Il-PM jitkellem dwar il-weġgħat li jħossu nisa li jixtiequ jsiru ommijiet – One News

Notifiki

Il-PM jitkellem dwar il-weġgħat li jħossu nisa li jixtiequ jsiru ommijiet

F’diskors fiċ-Ċentru Laburista ta’ Tas-Sliema f’ġurnata li tfakkar u tiċċelebra l-ommijiet, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal kif din is-sena huwa jum aktar sinifikanti.

Dan fi sfond ta’ Gvern li qed jiġġieled biex jagħti aktar opportunità lil iżjed nisa isiru ġenituri. Gvern li qed jagħti tama, vuċi u futur lil mijiet ta’ familji.

F’Jum l-Omm, Dr. Muscat tkellem dwar il-weġgħat li jħossu nisa li jixtiequ jsiru ommijiet imma ma jistgħux, u dan sempliċiment għax qegħdin f’Malta.

B’dan il-mod, qal il-Prim Ministru, qed tinħoloq kategorija diskriminatorja li tnaqqas l-ugwaljanza bejn min jista’ u min ma jistax, u bejn min għandu u min m’għandux.

B’ton skjett u ċar, Joseph Muscat qal li l-Gvern immexxi minnu ma jikkompromettix il-prinċipji tiegħu.

Sostna li ma tistax titħalla sitwazzjoni f’pajjiżna li “jekk għandek, inti tista’ ssir omm għax tmur barra ’l pajjiż, u jekk m’għandekx ngħidulek jaħasra jew miskina.”

Hawnhekk irrefera għad-dikjarazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Parlament.

Dikjarazzjoni li sejħilha bħala waħda “mill-aktar insensittiva”, meta Busuttil qal li jekk in-natura m’għenitekx, m’hemmx x’tagħmel.

Bl-emendi proposti fil-liġi tal-IVF, Dr. Muscat qal li l-Gvern qed jagħti opportunità lil mijiet ta’ persuni biex jgħinu lilhom infushom, u dan qal Muscat, huwa prinċipji li qatt mhu se jieqaf jitkellem dwaru.

Irrokonoxxa li hemm nies ta’ rieda tajba li ġenwinament huma mifxulin, u tenna r-rieda tajba ta’ dan il-Gvern li jkompli jikkonvinċihom li dak li qed jipprova jagħmel huwa li jagħti ċ-ċans lil aktar nies li jsiru ġenituri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend