San Ġorġ Preca, għandu rabta kbira, fost oħrajn, ma zewġ irħula f’Malta, il-Ħamrun u Santa Venera. Fil-Ħamrun għex għal-zmien twil, kien qassis tal-parroċċa ta’ San Gejtanu u hemm waqqaf l-ewwel dar tal-Museum. F’Santa Venera sar terzjarju Karmelitan fil-Knisja ta’ Santa Venera (ezatt mitt sena ilu), għex l-aħħar snin ta’ ħajtu f’Santa Venera u miet fid-dar tieghu fi Triq il-Parroċċa, Santa Venera nhar il-festa Liturgika tal-patruna tar-raħal.
Għalhekk din is-sena, fl-okkazjoni tal-ewwel ċentinarju tal-Parroċċa ta’ Santa Venera, il-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Parroċċa ta’ Santa Venera u s-soċjeta’ tal-Museum ser jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca flimkien.
Bi pjaċir kbir inħabbru ukoll, li grazzi għas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), nhar il-festa ta’ San Ġorġ Preca, l-Erbgħa 9 ta’ Mejju 2018, id-dar ta’ San Ġorġ Preca fi Triq il-Parroċċa, Santa Venera, ser tkun miftuħa għall-pubbliku f’dawn il-ħinijiet: mid-9.30 a.m. sal-11.30 a.m. u mit-3.30 p.m. sal-5.00 p.m.
Id-dar ta’ San Ġorġ Preca tinsab fit-triq ta’ ħdejn il-Knisja Parrokkjali, ftit l-isfel mill-bandli ta’ wara l-knisja.
Programm għall-Nhar l-Erbgħa 09 ta’ Mejju, 2018
1730: L-Għasar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu
1800: Pellegrinaġġ bl-istatwa u r-relikwa ta’ San Ġorġ Preca mill-Ħamrun għal Santa Venera
1900: Quddiesa minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera bis-sehem tas-soċjeta tal-Museum