Żewġ subien ta’ 13 u 15-il sena rispettivament sofrew ġrieħi f’rashom wara li ġew sparati tiri fuqhom f’żewġ inċidenti seperati li seħħew fi ftit minuti minn xulxin.
Il-Pulizija kienet infurmata li seħħ inċident fi triq ewlenija ġo Harrow fit-Trammuntana ta’ Londra għal ħabta tas-siegħa u kwart tal-Ħadd li għadda. Fuq il-post sabu tifel ta’ 15-il sena ferut b’tiri ta’ arma tan-nar. Żewġ minuti wara, fl-istess triq, tifel ta’ 13-il sena ukoll instab ferut b’tiri ta’ arma tan-nar. Huwa sofra tir ta’ senter f’rasu.
Iż-żewġ subien ittieħdu l-isptar, bil-pulizija tikkonferma li m’humiex fil-periklu tal-mewt. L-investigazzjonijiet tal-pulizija qedgħin jippruvaw jistabbilixxu jekk iż-żewġ każijiet humiex relatati. Fi stqarrija qalu li sa issa ma saru l-ebda arresti u li l-ebda arma tan-nar ma ġiet elevata.
Bħalissa l-kapitali tar-Renju Unit qiegħda ssofri minn mewġa ta’ kriminalità u vjolenza hekk kif hu stmat li seħħew madwar 64 omiċidju mill-bidu tas-sena lil hawn, b’Londra tesperjenza għall-ewwel darba iżjed omiċidji mill-belt ta’ New York.