Raġel Ingliż inżamm arrestat wara li nqabad bid-droga kannabis, pilloli tal-ecstacy u kokaina matul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Lincoln Anthony Milwood, inġinier ta’ 36 sena, kien arrestat wara li fil-pussess tiegħu instabet droga fi kwantitaijiet li dehru li ma kienux għal użu esklussiv tiegħu waqt il-party Lost and Found is-Sibt li għadda.
Huwa ġie mixli fil-Qorti il-Ħadd fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Permezz tal-avukat tiegħu Alfred Abela huwa talab għal ħelsien mill-arrest, bl-avukat isostni li għalkemm il-klijent tiegħu ma joqgħodx f’Malta, huwa ta’ nazzjonalità Brittanika li tagħmlu faċli biex jinstab. L-avukat tenna jgħid li l-biża li jaħrab hija minima u li anka jekk ikun il-każ hemm mekkaniżmi li l-awtoritaijiet Maltin jistgħu jużaw biex jerġa jinqabad.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest u qieset li r-raġel ma setax jagħti l-garanziji neċessarji biex tingħata l-libertà proviżorja.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Maurice Curmi.