F’sessjoni ta’ mistoqsijiet ippreparati u rrekordjati minn qabel Adrian Delia qal li l-kontijiet ma roħsux, li l-pensjonijiet ma għolewx, li l-għalliema ma rawx titjib fil-kundizzjonijiet u li n-nies ma jinqdewx mis-settur tas-saħħa. Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista ma jagħmilx ħsara lill-pajjiżna barra minn Malta. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Il-PL qal li kważi tiddubita jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwiex qed jgħix f’Malta.
Spjega li iktar inkwetanti minn hekk reġa’ tkellem kontra titjib fil-liġi tal-IVF biex iktar familji jkollhom l-ulied. Anzi qed jitkellem kontra l-avvanzi teknoloġiċi fil-mediċina favur il-ħajja.
F’siegħa jitkellem, Adrian Delia m’għamilx proposta konkreta waħda.
L-istqarrija tgħid kif bħal ta’ qablu fl-aħħar snin, Adrian Delia prova jagħti l-impressjoni li ma roħsux il-kontijiet tal-enerġija. Dan meta b’differenza minn meta kien hemm il-PN fil-gvern llum għandna fost l-irħas kontijiet fl-Ewropa. Kontijiet li baqgħu rħas anke waqt li fl-Ewropa kollha qed jiżdiedu t-tariffi.
Intqal li dalgħodu deher ċar li Delia huwa Kap li ma jistax joffri l-bidla għax m’għandux ideat. Agħar minn hekk sa issa l-uniċi sinjali li ta hu li saħansitra lest jirreżisti l-bidla.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qed jinnega l-kisbiet tal-preżent aħseb u ara kemm jista’ jitkellem dwar il-futur.