Kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal ‘In-Nazzjon’, fl-ebda waħda mil-laqgħat li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kellu ma’ uffiċjali tal-OECD, fejn kien ukoll preżenti d-Direttur responsabbli miċ-Ċentru tal-Politika tat-Taxxi u l-Amministrazzjoni tal-OECD, ma ġew diskussi materji li jirrigwardaw il-Common Reporting Standards (CSR) u lanqas il-programm tal-IIP ma kien diskuss f’dawn il-laqgħat. L-ittra ppubblikata tirreferi għal xogħol li sar mill-OECD u li ġie ppubblikat xahar qabel ma ntbagħtet l-ittra msemmija (23 ta’ Marzu 2018).
Ta’ min jirrimarka li Malta qed issegwi mill-qrib ix-xogħol li l-OECD qed tagħmel fuq skemi ta’ residenza b’investiment (RBI) u ta’ ċittadinanza (CBI) sabiex ikun żgurat li skemi bħal dawn jimxu fuq il-kriterji stabbiliti taħt is-CRS, li joħorġu mill-organizzazzjoni OECD. Konformi mal-impenn ta’ Malta li taderixxi mal-prinċipji tat-trasparenza, l-awtorità tat-taxxi dalwaqt se timplimenta regoli u linji gwida li se jinkludu d-direttiva tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol bdil ta’ informazzjoni mandatorja.
Mhux l-iskop tal-OECD li tagħti opinjoni dwar skemi ta’ residenza eżistenti li bosta pajjiżi jħaddnu, imma l-OECD qed tagħti linji gwidi biex skemi bħal dawn ikun żgurat li ma jintużawx bi skop abbużiv u jimxu skont il-kriterji tal-Common Reporting Standards. L-ittra tal-OECD kienet biss stedina għall-pajjiżi biex jinvolvu ruħhom f’dan l-istudju.
Fil-fatt, f’Marzu ta’ din is-sena, bħala membru tal-ECOFIN Malta qablet ma’ proposta biex tiġi emendata d-direttiva dwar koperazzjoni aministrattiva li titratta bdil ta’ informazzjoni mandatorja bejn intermedjarji (magħrufa bħala DAC VI).
Malta mhux biss se tkompli timplimenta u tonora l-obbligi tagħha fejn tidħol trasparenza iżda se tkompli tikkopera ma’ uffiċjali tal-OECD f’taħdidiet ta’ interess reċiproku.