L-eks Ministru Austin Gatt, li kien politikament responsabbli mill-Enemalta fi żmien l-iskandlu taż-żejt, tilef libell li fetaħ kontra l-editur maniġerjali tal-Malta Today, Saviour Balzan.
Libell li fetaħ dwar artiklu ppubblikat lura fiż-żmien meta faqqa’ dan l-iskandlu, u li fih il-Malta Today tindika li George Farrugia mhux biss żamm korrispondenza ma’ partijiet interessati, imma anke ltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Enemalta, u allegatament anke ma’ Austin Gatt u xi kumpaniji, biex jiżgura l-bejgħ taż-żejt lill-Enemalta.
Balzan, irrappreżentat mill-avukati Veronique Dalli u Andrew Saliba, spjega kif imkien ma ġie allegat li l-eks Ministru ħa xi flejjes ta’ dawn il-kuntratti.
Fl-istess waqt kien innutat kif korrispondenza mibgħuta minn George Farrugia, li kien ammetta t-tixħim fix-xiri taż-żejt, kienet tindika li dan kellu relazzjon tajba ma’ Austin Gatt, u li kien jiltaqa’ miegħu biex jiddiskuti.
Għaldaqstant il-Qorti nnutat kif il-ġurnaliżmu investigattiv huwa meħtieġ għal soċjetà demokratika, u kif dak miktub kien ibbażat b’mod ġust fuq il-provi ppreżentati.
Għaldaqstant il-Qorti, wara li rat il-provi, ċaħdet it-talbiet ta’ Austin Gatt kontra Saviour Balzan.