Il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit Amber Rudd tat ir-riżenja tagħha lil Prim Ministru Theresa May wara li ammettiet li żgwidat il-Parlament Ingliż.
Rudd, li kienet taħt pressjoni biex tgħid kemm kien se jkun l-ammont ta’ deportazzjonijiet ta’ immigranti rregolari, infurmat lil Prim Ministru Theresa May li kienet se titlaq. Hija kienet qed tiffaċja talbiet għar-riżenja tagħha wara li zgwidat il-Parlament fuq dan l-ammont ta’ deportazzjonijiet kif ukoll għall-mod kif irreagixxiet wara l-iskandlu Windrush, li jinvolvi deportazzjonijiet illegali ta’ nies mill-Commonwealth li emigraw lejn ir-Renju Unit wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
F’ittra lil Prim Ministru, Rudd qalet li zgwidtat mingħajr intenzjoni hażina lil grupp ta’ membri parlamentari. Dan għaliex l-informazzjoni li tat Rudd ma ssemmix miri ta’ numru ta’ nies li kellhom jiġu ddeportati. Infatti ftit wara li Rudd tkellmet mal-membri parlamentari, ħarġet informazzjoni li tikkontradixxi dak li qalet Rudd. Għal dan Rudd qalet li filwaqt li kienet konxja tal-eżistenza ta’ dawn il-miri, hi qatt ma tat xi ordni biex dan il-pjan jidħol fis-seħħ.
Din ir-riżenja ta’ waħda mill-iżjed alleati b’saħħithom ta’ Theresa May u minn wieħed mill-iżjed dekasteri kruċjali tal-gvern Ingliż tagħti daqqa ta’ ħarta oħra lil Prim Ministru Ingliż, li fl-aħħar xhur kellha taċċetta ir-riżenja jew tneħħi nies oħra importanti mill-Kabinett, fosthom Damian Green li kien id-de facto Viċi-Prim Ministru, u Priti Patel, l-eks Segretarju għall-Iżvilupp Internazzjonali.