Raġel ġie ordnat iħallas multa ta’ kważi €45,000 wara li kkawża inċident li fih raġel ieħor sofra dizabbilità permanenti.
Il-Qorti semgħet kif John Mallia kien sejjer lura d-dar f’Diċembru tal-2014 meta ħabat ma Toyota Starlet misjuqa minn Kevin Fiorini li kienet għadha kemm ħarġet minn spazju ta’ parkeġġ għallarieda fi Triq id-Dolmen f’Wied il-Għajn. Mallia pprova jevita l-vettura imma laqat il-karozza mir-roti ta’ quddiem li kkawżat biex il-karozza tiegħu spiċċat fuq ġenba.
Fiorini ġie mfittex għad-danni minn Mallia, li qal li l-inċident kien ikkawżat minn negliġenza mill-parti l-oħra. Min-naħa tiegħu, Fiorini caħad li l-inċident kien tort tiegħu u qal li l-tort tal-inċident kien ta’ Mallia li skontu kien qed isuq b’veloċita għolja wisq biex jevità l-inċident.
Il-Qorti preseduta mill-imħallef Wenzu Mintoff innotat li ż-żewġ verżjonijiet ma kienux jaqblu u allura ikkonsulta l-evidenza preżentata, bħal nuqqas ta’ marki tal-brejkijiet u l-fatt li Fiorini ammetta li ma semax il-karozza ġejja. Innutat ukoll li Fiorini ma kienx konsistenti fil-verżjoni tiegħu.
Il-Qorti kkonkludiet li l-inċident kien ikkawżat minn Fiorini li naqas milli josserva kif suppost u li jara x’kien ġej quddiemu. Il-Qorti sabet ukoll li Fiorini naqas milli jħares fil-mirja u juża l-indicator.
Il-Qorti nnutat li Mallia sofra diżabbalita ta’ 10% minħabba l-inċident u ordnat lil Fiorini jħallas €44,817.03 bħala kumpens tad-diżabilita’ u tat-telf ta’ dħul li sofra.