Ftit jiem qabel tmur tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Lisbona, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta Christabelle ġiet milqugħa minn mijiet ta’ studenti fil-Kulleġġ Santa Klara fejn tawha merħba xierqa qabel titlaq.
L-iskola primarja f’San Ġwann laqgħu lil Christabelle bi bnadar u messaġġi ta’ kuraġġ iżda dan mhux biss hekk kif malli Christabelle bdiet tkanta l-kanzunetta li ser tirrappreżenta lil pajjiżna biha, Taboo, l-istudenti nfexxew ikantaw flimkien magħha u mal-għalliema tagħhom.
It-tfal xtaqulha suċċess kbir fejn ippreparaw messaġġi għall-okkażjoni li għaliha attendew b’entużjażmu kbir.
Christabelle se tkanta fit-tnax-il post fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest f’Lisbona fl-10 ta’ Mejju.