Il-Parlament għadda l-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika b’vot ta’ 44 favur u 20 kontra, bil-membri tal-gvern kollha favur, waqt li l-Oppożizzjoni kienet maqsuma b’10 favur u 20 kontra.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli innutat kif f’kull stadju ta’ din il-liġi, elementi mill-Partit Nazzjonalista qalgħu l-problemi biex jirbħu punti politiċi. Dan għad-detriment tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-ministru qalet li jidher ċar li dawn id-deputati ma jinteressahomx mill-vittmi.
Għalhekk, il-vot tal-lejla fil-Parlament, jekk xejn, wera kemm l-Oppożizzjoni hija maqsuma u li diversi deputati Nazzjonalisti qegħdin jgħaddu lill-poplu biż-żmien. Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirrappreżenta l-politika tar-rigress, li l-poplu diġà ivvota darbtejn kontriha. Il-Ministru Dalli qalet li l-Maltin iridu aktar protezzjoni tad-drittijiet tagħhom u aktar ugwaljanza.
B’din il-liġi, il-gvern qiegħed jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Istanbul li pajjiżna rratifika fl-2014. L-għan prinċipali tal-liġi hija li din tagħmel impatt reali fil-ħajja ta’ kuljum billi tipprevjeni l-vjolenza, tipproteġi lill-vittmi u ġġib ġustizzja permezz ta’ sanzjonijiet kontra l-perpetraturi.
L-emendi prinċipali li ġew introdotti permezz ta’ din il-liġi jaraw li:
– jkun hemm żieda konsiderevoli fil-pieni assoċjati ma’ reati ta’ vjolenza, li tirrifletti l-gravità u s-serjetà ta’ dawn ir-reati;
– jissaħħu d-definizzjonijiet ta’ reati marbutin ma’ vjolenza, per eżempju, l-istupru u l-fastidju, biex il-vittmi jkollhom aktar ċertezza legali;
– tingħata attenzjoni partikolari lid-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittma, u lill-prinċipju tal-kunsens tal-vittma f’atti ta’ natura sesswali;
– jiġi introdott il-kunċett ta’ ordni ta’ protezzjoni temporanja, li jista’ jinħareġ f’każ fejn il-periklu ta’ vjolenza jkun ta’ natura urġenti, u ma jkunx hemm biżżejjed ħin għal proċeduri quddiem il-Qorti. Fejn ikun neċessarju, dan l-ordni għandu joħroġ f’inqas minn sitt sigħat minn meta l-vittma titlob il-protezzjoni;
– ikun introdott il-kunċett ta’ vjolenza kontra individwu permezz ta’ atti maħsuba biex jiżolaw lill-vittma, jew jillimitawlha l-aċċess għall-flus, edukazzjoni, jew impjieg;
– jitwessgħu id-dmirijiet tal-Pulizija sabiex jipproteġu aħjar lill-vittmi ta’ vjolenza;
– jissaħħaħ il-kunċett ta’ danni morali apparti dawk materjali, biex il-Qorti tkun tista’ tagħti rimedji aktar ġusti. Dan għax mhux kull vjolenza tirriżulta f’danni materjali;
– tinbidel l-età tal-kunsens, li issa hija ta’ sittax-il sena. Dan jirrifletti r-realtajiet soċjali f’pajjiżna u l-età medja tal-kunsens fl-Ewropa;
– proċeduri legali kontra awtur ta’ vjolenza jistgħu jinbdew ukoll mingħajr il-kwerela tal-vittma, u dan sabiex il-vjolenza ma tibqax mitqiesa bħala l-problema tal-vittma imma ssir problema tas-soċjetà kollha;
– fejn l-għoti ta’ xhieda waqt proċeduri legali tista’ tkun ta’ ħsara psikoloġika lix-xhud, il-Qorti tista’ tagħti lix-xhieda il-fakultà li jixhdu permezz ta’ video conference;
– fejn l-aċċess u l-kustodja għall-ulied ikun ta’ ħsara għall-ulied stess jew għall-ġenitur l-ieħor, il-Qorti tista’ twaqqaf dak l-aċċess jew kustodja;
– fejn ġenitur ikun qed jabbuża mid-dritt tal-aċċess tiegħu biex jagħmel ħsara lill-ġenitur l-ieħor, dan id-dritt jista’ jittieħed mill-Qorti;
– f’kawżi ta’ separazzjoni, il-medjazzjoni mhijiex obbligatorja fejn ikun hemm passat ta’ vjolenza domestika;
– jkun introdott il-kunċett ta’ persuna ta’ sostenn, li x-xogħol tiegħu jkun li jassisti vittmi minorenni waqt proċeduri legali.
Il-liġi timponi fuq l-Istat l-obbligu li jassigura li l-ebda istituzzjoni jew persuna li taġixxi f’isem l-amministrazzjoni ma tkun involuta fi kwalunkwe att ta’ vjolenza. L-Istat għandu d-dmir ukoll illi jaddotta, u jaġġorna b’mod regolari, Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, liema pjan il-gvern diġà nieda f’Novembru tal-2017.
Kuntrarju għall-qlajjiet tal-Oppożizzjoni, l-ebda tarbija mhux imwielda ma tilfet xi dritt. Minflok, għaxar deputat Nazzjonalista ivvota kontra ż-żieda tal-protezzjonijiet imsemmija hawn fuq. Il-Ministru Dalli qalet li jekk il-Maltin kellhom bżonn ta’ prova dwar kemm dan il-partit qed iħares lura flok ‘il quddiem, dan il-vot huwa prova ta’ hekk.
1 AttachmentDownload as Z