Team ta’ 166 Uffiċjal tal-Infurzar fl-Awtorità għat-Trasport f’Malta – One News

Notifiki

Team ta’ 166 Uffiċjal tal-Infurzar fl-Awtorità għat-Trasport f’Malta

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg iltaqa’ mat-team tal-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta fil-preżenza taċ-Chairman James Piscopo, fejn ippreżenta numru ta’ ċertifikati lill-uffiċjali l-ġodda wara li ħadu taħriġ intensiv u speċjalizzat.

Il-Ministru qal li matul l-aħħar xhur ingħaqdu ma’ din it-taqsima 70 uffiċjal, biex issa hemm total ta’ 166 individwu li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol strateġiku. Huwa semma titjib ieħor li sar fit-taqsima, bħal l-introduzzjoni ta’ clamping u rmunkar ta’ vetturi bi pjanċa barranija, fejn ġew klampjati kważi 500 karozza f’Malta u Għawdex mill-ewwel ta’ din is-sena. Borg tkellem dwar iż-żieda fil-preżenza tal-muturi ta’ din it-taqsima fit-toroq, żieda li qiegħda tgħin sabiex l-assistenza tingħata b’mod aktar immedjat, kif ukoll żieda ta’ dawn l-uffiċjali fil-Belt Valletta minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-V18. Huwa spjega kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, dawn l-uffiċjali diġà ħarġu aktar minn 5,000 kontravenzjoni fuq toroq arterjali. “Mhumiex deċiżjonijiet li jagħmluna popolari,” qal il-Ministru, “imma huma deċiżjonijiet li lest nieħu biex inkompli nimbotta l-ħidma favur s-sigurtà u inqas inċidenti.”

Ian Borg semma kif l-Ministeru għaddej b’implimentazzjoni ta’ strateġiji li jimxu fuq tliet binarji bl-għan li jimbuttaw ’il fuq is-sigurtà fit-toroq ta’ Malta u Għawdex.

Bħala l-ewwel binarju, il-Ministru tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni fil-qasam tal-imġiba responsabbli fuq it-toroq tagħna. Huwa semma l-kampanji edukattivi li għaddejjin min-naħa tal-Gvern u minn entitajiet bħal l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u rrefera għal kampanja ta’ ġimgħa li se tibda l-ġimgħa d-dieħla fuq l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni. Semma wkoll kampanji oħrajn li għaddejjin fl-iskejjel bħal dik li nieda ftit taż-żmien ilu ma’ Malta Public Transport u Fundación Mapfre. Huwa qal li bosta drabi, niksbu l-liċenzja tas-sewqan u ma nkomplux naġġornaw rwieħna mar-regoli tat-triq. Għalhekk, saħaq il-Ministru, dawn il-kampanji edukattivi huma aktar essenzjali.

Borg semma t-tieni binarju importanti li huwa l-investiment li qed issir fl-infrastruttura tal-pajjiż, b’diversi proġetti kbar u żgħar li qegħdin itejbu d-disinn tat-toroq favur aktar sigurtà u riskju inqas ta’ inċidenti.

It-tielet binarju huwa t-tisħiħ tat-taqsima tal-infurzar tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta, qal il-Ministru Borg, hekk kif sfortunatament, l-edukazzjoni u t-titjib fl-infrastruttura waħedhom mhumiex biżżejjed. Huwa rringrazzja lill-uffiċjali tal-infurzar tax-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu u qal li dan ix-xogħol huwa element kruċjali fis-soċjetà tagħna, hekk kif iservi biex jikkoreġi imġiba li mhijiex korretta filwaqt li jgħallem alternattivi aħjar u jsaħħaħ is-sens tar-responsabilità tal-utenti tat-toroq.

Hawnhekk, il-Ministru rrefera wkoll għax-xogħol siewi li jsir fuq il-baħar. Huwa qal li permezz tal-infurzar bid-dinghies, sar għandna aktar dixxiplina fuq il-baħar – dixxiplina li hi bżonnjuża, hekk kif sfortunatament hawn inqas għarfien dwar il-perikli ta’ imġiba rresponsabbli fuq opri tal-baħar. Il-Ministru qal li minn meta beda dan it-tip ta’ infurzar, ħarġu mal-240 twissija u mal-270 kontravenzjoni, fejn l-uffiċjali tal-infurzar spezzjonaw madwar 900 opra tal-baħar, minbarra l-1,346 spezzjoni fi Blue Lagoon biss.

Il-Ministru sostna dwar l-importanza li jkompli jsir aktar investiment f’din it-taqsima. Huwa ħabbar investiment ġdid fil-komunikazzjoni bejn l-uffiċjali permezz ta’ two-way radios fil-ġranet li ġejjin, liema investiment se jgħin biex titjieb l-effiċjenza tal-infurzar, kif ukoll investiment f’personal body camera, li minbarra li tħares is-sigurtà tal-individwu waqt xogħlu, isservi wkoll ta’ għajnuna f’każijiet li jkunu qegħdin jiġu mistħarrġa.

Il-Ministru għalaq billi appella ma’ dawn l-uffiċjali biex huma jservu ta’ eżempju ta’ imġiba xierqa u responsabbli fit-toroq tagħna, u ppreżenta ċ-ċertifikati lil 25 uffiċjal ġdid li kienu għadhom kif lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jingħaqdu mat-taqsima.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend