Malta ser tkun l-ewwel pajjiż li ser tressaq l-ewwel qafas regolatorju fid-dinja dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija tar-reġistru distribwit. Dan hekk kif il-Gvern ser iressaq għall-ewwel qari tlett abbozzi ta’ liġi li jitrattaw dwar t-twaqqif l-Awtorita’ Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-Att dwar l-Arranġamenti u s-Servizzi tat-Teknoloġija Innovattiva kif ukoll l-Att dwar is-Suq tal-Muniti Virtwali.
Permezz ta’ dan il-qafas regolatorju Malta li huwa mfassal fuq tlett prinċipji importanti li huma l-istabilita’ tas-suq, l-integrita’ tas-suq kif ukoll il-protezzjoni lill-konsumatur, mhux biss ser jiggarantixxi ċertezza legali imma ser iwitti t-triq sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni ekonomika.
Dan il-qafas regolatorju ser iwaqqaf għall-ewwel darba l-Awtorita’ Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali li ser tkun qed taħdem sabiex tippromwovi l-politika tal-Gvern kif ukoll tara li Malta tkun iċ-ċentru ta’ eċċellenza f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija innovattiva.