Raġel sofra xi ħruq f’partijiet minn ġismu wara li nar ħakem appartament fi Triq il-Ħarifa f’San Pawl il-Baħar. Ir-raġel ta’ 35 sena huwa ta’ nazzjonalità Bulgara.
Dan ġara għall-ħabta tas-1.00pm. Mill-informazzjoni miksuba, jidher li fuq il-post tal-inċident instabu oġġetti relatati mal-manifattura ta’ l-isplussiv.
Fuq il-post hemm ukoll membri tal-bomb disposal unit.
ONE News jinsab infurmat li l-persuna ittieħdet l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofra.
Għadd ta’ persuni ġew evakwati mill-binja sakemm tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni. Jidher li nkiser xi ħġieġ waqt l-inċident.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J. Demicoli LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.