Nisa Laburisti appellat biex mill-aktar fis jidħlu fis-seħħ l-emendi l-ġodda proposti għat-tibdil fil-liġi tal-IVF.
“Il-Parlament għandu jiddiskuti din il-liġi bi prijorità meta tant familji għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja mal-infertilitá. Kull mossa li twassal biex din id-diskussjoni tkun posposta hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ dawn il-familji.”
Qalet dan il-President ta’ Nisa Laburisti, Claudette Abela Baldacchino meta flimkien ma’ delegazzjoni mill-organizazzjoni ltaqgħu mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, b’turija ta’ appoġġ għall-emendi għall-liġi tal-IVF.
Id-Deputat Prim Ministru qal li laqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ li ngħata għall-dawn l-emendi min-Nisa Laburisti. “Dawn l-emendi għandhom l-għan li jissarrfu f’aktar trabi imwielda lil dawk li jixtiequ jkunu ġenituri prospettivi. Huma emendi favur il-ħajja u li se jwasslu għal aktar ħajja,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.