Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar li l-kawżi pendenti quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Malta naqsu b’elf, mitejn ħamsa u sittin.
Dan hekk kif minn erbat elef tmien mija u erbgħin kawża pendenti fl-elfejn u ħdax, fil-preżent l-ammont ta’ kawżi pendenti niżlu għal tlett elef, ħames mija ħamsa u sebgħin kawża.
Dan ifisser li l-kawżi pendenti quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili naqsu b’medja ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fi ftit snin ta’ Gvern Laburista.
Il-Ministru Owen Bonnici rrimarka li dan is-suċċess qed jinkiseb grazzi għal ħidma fuq tlett pilastri li jsawru r-riforma ġudizzjarja.
L-effiċjenza li l-kawżi ma jdumux, it-tieni waħda hija li l-kwalità tal-ġustizzja tkun aħjar…biex il-poplu jħoss illi s-sentenza li ngħatatalu, anke jekk forsi ma jkunx rebaħ, però jkun għallinqas jaf b’mod konkret għaliex tilef dik il-kawża. U t-tielet nett l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, dik li normalment tissejjaħ ir-rule of law.
It-tnaqqis fil-kawżi pendenti kien irreġistrat ukoll fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Għawdex, hekk kif hawnhekk, dawn naqsu b’madwar għoxrin fil-mija.
Minn ħames mija u tnejn u disgħin kawżas pendenti fl-elfejn u tnax, dawn naqsu għal erba mija u ħamsa u sebgħin.
Ir-riforma ġudizzjarja hija kkaraterizzata minn diversi inizjattivi li ttieħdu sabiex jitjieb l-istess qasam.
Tajna lil kull imħallef fiċ-ċivil avukat full time tal-għażla ta’ dak l imhallef biex jgħinu fir-riċerka u fl-abbozzar tas-sentenzi. Żiedna l-kompetenza tat-tribunal tat-talbiet żgħar. Għamilna ħafna riformi oħra fil-proċedura, biddilna l-liġijiet, issimplifikajnihom, sabiex il-proċedura tkun iktar felici.
U filwaqt li dan kollu qed iħalli l-frott mixtieq, il-Gvern mhux lest li jieqaf milli jkompli jtejjeb is-sistema ġudizzjarja, bil-Ministru Bonnici jitkellem fuq x’inhu l-pass li jmiss.
U l-pass li jmiss issa huwa illi jkollna abbozz ta’ liġi illi jiggarantixxi iktar awtonomija għad-dipartiment tal-qrati, awtonomija amministrattiva, iktar milli ġa hemm, ġa hemm ħafna, irrid nkomplu nżieduha dik l-awtonomija sabiex inkomplu nagħmlu pajjiżna aħjar, iktar moderna u iktar kontemporanju.