Splużjoni ta’ magna ta’ ajruplan kellha konsegwenzi traġiċi hekk kif kawża tal-inċident mara tilfet ħajjitha wara li kważi nġibdet mit-tieqa tal-ajruplan.
Xhieda li raw l-inċident stqarrew li raw il-magna fuq ix-xellug tal-ajruplan tisplodi u b’kawża t’hekk infaqgħet tieqa u kkawżat nuqqas ta’ pressa ġewwa l-ajruplan li wassal biex Jennifer Riordan, omm ta’ żewġt itfal, nġibdet kważi għal kollox ‘l barra mill-ajruplan. Hija ddaħħlet lura ġo l-ajruplan minn passiġġieri oħra.
It-titjira 1380 ta’ Southwest Airlines kellha tagħmel inżul ta’ emerġenza peress li t-tieqa, il-ġwienaħ u l-qafas tal-ajruplan ġarrbu xi ħsarat. Minbarra l-mewt tal-mara, sebgħa min-nies oħra weġġgħu f’dan l-inċident.
Minn l-ewwel stħarriġ sar magħruf li parti mill-fann tal-magna kien nieqes. L-aħħar mewt fuq ajruplan kummerċjali Amerikan seħħet fl-2009.
L-ajruplan Boeing 737-700 kien fuq titjira bejn l-ajruport ta’ La Guardia fi New York u dak ta’ Dallas f’Texas, b’143 passiġġier u ħames membri tal-ekwipaġġ abbord. L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni tal-Istati Uniti (FAA) qiegħda tinvestiga l-inċident.