Minn żona abbandunata li spiċċat tintuża għall-parkeġġi ta’ trailers u li kienet iddominata minn abbuż ta’ rimi ta’ skart, fi tliet gimġhat oħra se tinbidel f’żona ta’ rikreazzjoni ġdida b’investiment ta’ madwar erbgħin elf ewro.
Qed nitkellmu dwar iż-żona viċin il-kumpless sportiv tal-club tal-futbol ta’ Ħal Qormi u ċ-ċimiterju tal-lokal li issa se tinbidel f’parkeġġ għar-residenti u open-gym.
Il-Ministru għall-infrastruttura, Ian Borg qal li x-xogħlijiet se jsiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u jagħmlu parti minn ħamsa u disgħin proġett li se jsiru f’għadd ta’ lokalitajiet b’investiment ta’ madwar tnejn u erbgħin elf ewro.
Is-Sindku tal-Lokalità, Jesmond Aquilina esprima sodisfazzjon għal dan il-proġett għax fi kliemu, iż-żona se ssir waħda aċċessibbli u li se toffri wkoll opportunità lill-ġenituri li jkunu qed jistennew lil uliedhom jagħmlu t-taħriġ, biex huma wkoll jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju.