Raġel ta’ erbgħa u għoxrin sena minn Ħaż Żabbar ġie arrestat wara li flimkien ma’ raġel ieħor allegatament serqu bust tal-bronż.
Il-każ seħħ fis-siegħa tal-Ġimgħa filgħodu, waqt li l-Pulizija tad-Distrett kienu qegħdin fuq ronda fi Triq ix-Xatt tal-Imsida. Kien hawn li ġew innutati żewġt irġiel suspettużi jpoġġu bust tal-bronż f’baskett. Malli l-Pulizija avviċinawhom, l-irġiel ħarbu jiġru minn fuq il-post, bil-Pulizija jirnexxielha taqbad wieħed mis-suspettati.
Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-bust tal-bronż allegatament insteraq mill-inħawi tal-Monument tal-Ħaddiema fl-Imsida stess.
Ir-raġel ta’ erbgħa u għoxrin sena ġie arrestat u għadu qed jinżamm mill-Pulizija għal iktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.