Ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Dun Karm, Birkirkara.
Fi stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li kien seħħ inċident bejn żewġ karozzi u mutur u b’konsegwenza t’hekk is-sewwieq tal-mutur sofra xi ġrieħi. Il-pulizija tad-distrett marru minnufiħ fuq il-post.
Il-vettura tal-għamla Hyundai Excel kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 74 sena residenti Birkirkara filwaqt li l-vettura l-oħra involuta f’dan l-inċident tal-għamla Peugeot 107 kienet qed tiġi misjuqa minn raġel Franċiż ta’ 24 sena.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur tal-għamla Piaggio, raġel ta’ 48 sena residenti Birkirkara, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja. Aktar dettalji malli jaslulna.