B’investiment ta’ aktar minn erba miljun ewro sar xogħol ta’ tisbiħ fid-dar tal-anzjani Villa Messina fir-Rabat.
Dar tal-anzjani li titmexxa mill-kumpanija CareMalta, u hija waħda mid-djar li l-Gvern jixtri sodod mingħandha sabiex id-dipartiment għall-kura tal-anzjani ikun jista’ jirreferi anzjani fiha.
L-investiment wassal biex id-dar minn mija u sebgħin resident, se tkun tista’ tilqa fiha sa mitejn u tmintax-il anzjan.
Bħalissa f’Villa Messina hemm mitejn u persuna. Mija ħamsa u erbgħin anzjan qegħdin jokkupaw sodod li inxtraw mill-gvern, filwaqt li sitta u ħamsin resident huma residenti privati.
Fl-inawgurazzjoni ta’ Villa Messina, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa sodisfatt bl-investiment li sar f’din id-dar li topera b’sistema ta’ sħubija mal-privat.
Fisser kif l-gvern jara l-investitur privat importanti biex titnaqqas il-lista ta’ stennija.
Fl-elfejn u tlettax kien hemm elfejn anzjan jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani.
Mija minnhom huma meqjusa bħala każi urġenti. Filwaqt li erba mija jinsabu f’qagħda li ma jistgħux ifendu għal rashom.
Madankollu, il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti f’aktar sodod għall-anzjani.
Hawn semma kif meta jkunu lesti x-xogħlijiet f’San Vincenz de Paule, ser ikun hemm żieda ulterjuri ta’ mija u ħamsin sodda oħra. Bil-Gvern żied is-sodod mill-elfejn u tlettax ‘l hawn b’seba mija u għoxrin sodda.
Ekonomija tajba tippermettilna ngħollu l-pensjonijiet kif għamilna – sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Filwaqt li tkellem dwar mizuri oħrajn fosthom il-miżura li l-Gvern jissusidja sa massimu ta’ ħamest elef u mitejn ewro il-paga ta’ live-in cares.
Intant, l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-qasam tal-persuni b’diżabilita. Fisser kif wara s-sehem tal-privat fid-djar tal-anzjani kien suċċess, il-Gvern irid iħares għal ftehim simili mal-privat fejn jidħol is-servizz li jingħata lill-persuni b’dizabilità.
Bil-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta Natalie Briffa Farrugia qalet li CareMalta hija interessata li tkompli taħdem mal-gvern anki fil-qasam tal-persuni b’dizabilita.
Hija faħħret l-impenn tal-gvern li fetaħ għaxar djar residenzjali fil-komunita għall-persuni b’dizabilita.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel referenza għal studju professjonali li sar fi tmint idjar differenti, fejn sab li l-maġġoranza tal-anzjani kienu sodisfatti bl-assistenza li jingħataw fi djar tal-anzjani. Studju importanti li jgħin lill-gvern jieħu d-deċiżjonijiet mhux fuq dak li jgħidu l-esperti , iżda ta’ dak li jgħidu l-anzjani nfushom.
Il-Prim Ministru kellu kliem pożittiv ukoll għall-akkademja ta’ CareMalta biex tħarreġ nies fil-qasam tal-kura tal-anzjani.
CareMalta li tħaddem elf ruħ – seba mija minnhom ikunu nisa.
Izda issa CareMalta se taħdem fuq proġett ġdid bl-isem ta’ ICARE fejn ħaddiema se jkomplu jitħarrġu biex joffru servizz ta’ kwalità lill-anzjani residenti.