Iktar tard dan ix-xahar il-Kurja f’Malta mistennija tkun qed toħroġ ir-riżultati ta’ ċensiment li sar lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Ħafna kienu qed jistaqsu x’sar minn dan iċ-ċensiment. Iżda l-gazzetta Kullħadd hija infurmata li fl-aħħar xhur dan l-istħarriġ kien qed ikun diskuss internament, għalkemm kien hemm membri tal-kleru li jemmnu li kellu jkun diskuss b’mod iktar miftuħ u ma’ iktar nies minn kif fil-fatt sar sa issa.
Però min-naħa l-oħra ladarba issa r-riżultati se jsiru pubbliċi allura d-diskussjoni mistennija tkun mill-iktar miftuħa bħalma kienet dwar stħarriġ tal-Maltatoday ippubblikat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li l-Kurja tal-Arċisqof ħadet pjaċir bih għaliex ħafna Maltin wieġbu li jħossuhom Kattoliċi. Mhux magħruf jekk dan kienx influwenzat ukoll mill-fatt li dan l-istħarriġ sar fil-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa u forsi anke x’jifhmu dawk li wieġbu b’interpretazzjoni ta’ Kattoliku.
Iċ-ċensiment mistenni jitfa’ wkoll dawl dwar dan l-istħarriġ għax filwaqt li l-istħarriġ huwa wieħed xjentifiku iżda li jieħu proporzjon tal-popolazzjoni, iċ-ċensiment attwalment sar ma’ dawk li marru l-quddies. Fil-fatt, iċ-ċensiment tal-attendenza tal-quddies fil-knejjes kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fi tmiem l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru.
Iċ-ċensiment kien ikkordinat minn Discern, iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka fi ħdan il-Knisja.
Dan kien il-ħames ċensiment li qed isir fl-Arċidjoċesi ta’ Malta mill-1967 sal-lum. L-aħħar ċensiment ta’ dan it-tip sar fl-2005. Dakinhar kien sar kemm fl-Arċidjoċesi ta’ Malta kif ukoll fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Din id-darba d-Djoċesi ta’ Għawdex għażlet li ma tkunx parti minn dan l-eżerċizzju. Meta kien mistoqsi dwar hekk minn din il-gazzetta, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien qal: “Fil-verità ma tantx hemm bżonn illi tkejjel ħafna għax għajnejna qegħdin f’wiċċna. Naħseb illi f’din iċ-ċirkostanza importanti illi ma ngħaddsux rasna mal-art u naraw għaliex l-attendenza qiegħda tonqos.
Forsi ninkwieta mill-fatt illi din l-istess attendenza qed tonqos mhux biss min-naħa taż-żgħażagħ iżda anke mill-adulti.
Għalhekk naħseb wieħed irid ikun għaqli biżżejjed u janalizza wkoll lil dawk il-persuni li jattendu għall-quddies. Il-fatt li wieħed imur il-quddies mhux neċessarjament huwa indikatur ta’ ħajja Nisranija tajba.”