Il-PN ġabar, Delia ħallas – One News

Notifiki

Il-PN ġabar, Delia ħallas

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, sab €55,000 biex jibda jħallas it-taxxa li naqas li jħallas għal żmien twil u li meta daħal fil-politika wiegħed li kellu jħallas sa tmiem is-sena li għaddiet.

Li nafu b’ċertezza hu li Delia ilu xhur b’arranġament tat-taxxa fuq il-mejda iżda għal xi raġuni jew oħra qatt ma deher komdu li jagħmlu tiegħu. Fil-fatt Delia m’għażilx li kif jagħmlu ħafna jibda jħallas ftit ftit u minflok tfaċċa ċekk sostanzjali fl-aħħar jiem ta’ Marzu.

Din il-kwistjoni hija waħda minn dawk li internament fil-Partit Nazzjonalista kienu qed ikomplu jżidu l-inkwiet, b’dawk kontra Adrian Delia jgħidu li l-kredibbiltà tiegħu qalgħet daqqa ta’ ħarta kbira meta ma kienx qed jonora waħda mill-ewwel wegħdi li għamel.

Kwistjonijiet tat-taxxa kienu kwotati f’artikli u raġunijiet li wasslu biex esponenti tal-Partit Nazzjonalista tefgħu r-riżenja tagħhom. Filwaqt li ġurnalisti qrib il-Partit Nazzjonalista, inkluż Daphne Caruana Galizia, kienu staqsew iktar minn darba dwar l-attivitajiet finanzjarji ta’ Delia.

Mistoqsi għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat dwar għaliex kien għadu ma ħallasx it-taxxa kif wiegħed, Adrian Delia qal li kellu problemi ta’ cash flow.

Anke jekk ftit tal-jiem ilu ta l-ewwel pagament sa issa ma saret ebda dikjarazzjoni uffiċjali minnu jew mill-Partit Nazzjonalista.

Saħansitra m’għamel ebda dikjarazzjoni pubblika dwar kif, meta u minn fejn dawn il-problemi ta’ cash flow issolvew. Li nafu b’ċertezza hu li fattwalment l-ewwel pagament għamlu ftit tal-jiem wara li l-Partit Nazzjonalista għamel maratona ġbir ta’ fondi u esponenti tal-PN, fosthom l-istess Adrian Delia, kienu qed jiltaqgħu ma’ negozjanti jiġbru l-flus. Għalkemm bl-ebda mod m’aħna ngħidu li Delia uża dawn il-flus.

Il-€55,000 li Delia ħallas permezz ta’ ċekk mhumiex it-total hekk kif il-kap tal-Partit Nazzjonalista kellu kwistjonijiet ta’ pendenzi ta’ taxxa li ma kinux żgħar u fiż-żmien li ġej baqagħlu jħallas eluf ta’ ewro oħra.

Meta kien fil-professjoni, Adrian Delia kien iddikjara li jaqla’ mal-€210 fis-siegħa u wara li sar Kap kien ħabbar l-idea li jibda jieħu paga mill-Partit Nazzjonalista minbarra dik ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Għalkemm uffiċjalment imbagħad kien deher jirtira minnha. Però fil-kurituri tal-istamperija u anke fi bnadi oħra kien hemm min prova jindika mod ieħor.

Il-PN irreaġixxa għal din l-aħbar għalkemm ma weġibx ħafna mill-mistoqsijiet:

Għażiż Editur,

Qed ngħaddilek din hija Dritt għar-Risposta skond il-liġi tal-istampa mingħand David Camilleri t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista għall-istorja li ġiet ippubblikata fil-gazzetta Kullħadd u li xxandret ukoll fil-midja tal-Partit Laburista;

Il-Partit Nazzjonalista jiċħad bl-aktar mod kategoriku l-fake news tal-One News u l-gazzetta Kullħadd li flus tal-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista ntużaw sabiex jitħallsu xi kontijiet li m’humiex tal-Partit Nazzjonalista. Din il-gidba tal-midja Laburista hija biss reazzjoni fqira għas-suċċessi li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-maratoni li għamel fl-aħħar ġimgħat. Il-gazzetta Kullħadd u l-midja tal-Partit Laburista aħjar jinvestigaw x’għamlu Ministri Laburisti fil-każijiet tal-Panama u tal-bank Pilatus u x’mhux qed jagħmel il-Prim Ministru dwarhom.

Tislijiet

Jesmar Baldacchino

Direttur Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *