Notifiki

Azzjoni favur 28,000 pensjonant

Għal snin twal kienet qed tkun injorata liġi li titlob li l-pensjonijiet ikunu rranġati skont il-mod kif jinbidlu l-pagi fil-post tax-xogħol fejn il-pensjonant kien qed jaħdem għall-aħħar darba. Mis-sena li għaddiet il-Gvern għażel li jindirizza dan in-nuqqas li f’pajjiżna kien ilu għaddej għal bosta snin, fosthom minħabba nuqqas ta’ riżorsi u finanzjament. Bl-eżerċizzju li għaddej tħallsu b’€14-il miljun f’arretrati lill-pensjonanti, b’uħud jirċievu ċekkijiet li jmorru lura anke sa 10 snin.

Meta tinħadem il-pensjoni l-ewwel darba wara li bniedem jilħaq l-età tal-irtirar din tkun ibbażata kemm fuq il-bolol kif ukoll fuq is-salarji li l-persuna jkollha fis-snin ta’ qabel tirtira.

Hawn il-pensjoni tinħadem u tiġi stabbilita r-rata li tibda titħallas ta’ kull xahar lil dik il-persuna. Però bil-liġi kull pensjonant ikun intitolat il-pensjoni kurrenti tal-grad li kien fih meta rtira u għalhekk suppost isiru l-bidliet. Fi kliem iktar sempliċi jekk ikun hemm ftehim kollettiv ġdid jew żidiet fil-paga ta’ dawk il-gradi partikolari dak irid ikun rikonoxxut mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li skont il-liġi jrid iżid il-pensjoni.

Dan hu proċess li kien ilu ma jsir b’mod komplet bosta snin u l-Gvern ħa deċiżjoni li jimbarka fuq eżerċizzju bil-għan li jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ kulħadd. Minn Frar tas-sena l-oħra kien hemm kważi 28,000 pensjonant li gawdew minn din ir-reviżjoni. 23,455 pensjonant ħadu bejniethom €10,593,428 f’arretrati. Filwaqt li 4,475 armla ħadu bejniethom €3,152,771. Dawn iċ-ċifri mistennija jibqgħu jitilgħu ladarba l-proċess ikompli.

Esperti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali spjegaw kif mhux kulħadd ikollu dritt għal pensjoni ogħla. Għax pereżempju min ikun diġà fuq il-massimu mhux se tiżdied b’dan l-eżerċizzju, għalkemm dawn ikunu żdiedu bil-miżuri tal-baġit.

Din il-bidla tingħaqad mal-kullana ta’ miżuri soċjali li ttieħdu bil-għan li l-pensjonanti jkollhom dħul aħjar u jgħixu ħajja iktar dinjituża. Fosthom żidiet diretti fil-pensjonijiet u eżenzjoni mit-taxxa sa ċertu ammont.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend