Kollox jinsab lest biex nhar il-Ħadd li ġej tittella’ Festa Frawli fl-Imġarr – festa li ilha ssir għal dawn l-aħħar tnax-il sena, u li sabet postha fil-kalendarju ta’ festi Maltin.
F’din il-festa, li għaliha jattendu l-eluf, wieħed isib mijiet ta’ oġġetti lkoll magħmulha bil-frawli, fosthom ġamm, inbid, aranċini, milkshakes, pastizzi, u kejkijiet. Dan flimkien ma’ għadd ta’ attivitajiet folkloristiċi.
Tul l-aħħar preparamenti, il-bidwi Ċensu Camilleri spjega li din is-sena l-frawla beda kmieni. Irrakkontalna wkoll xi sfidi sfidi jaffaċċjaw il-bdiewa biex itellgħu festa daqstant kbira.Camilleri qal “Nipreparawlha l-plastik iswed, u plastik abjad, kif qed taraw b’għajnejkom.. biex nipproteġuha min-natura, peresli ġieli jkun hawn riħ qawwi, jew silġ u affarjiet hekk, u anke nsetti.. irridu nipproteġuha kemm nistgħu.”
Il-Kunsillier Clayton Gauci qal li ta’ kull sena jsiru għadd ta’ innovazzjonijiet f’din il-festa. Fost dawn, din is-sena se jiġu introdotti erba’ walking trails, fejn dak li jkun, apparti li jiekol frawli bnin, jista’ jgawdi mill-veduti mill-isbaħ li joffri r-raħal tal-Imġarr.
Gauci spjega kif “Se jkollna wkoll il-walking trails li hija xi ħaġa innovattiva li bdejniha din is-sena u qegħdin nippromovuha ħafna.. ovvjament l-Imġarr kull min jiġi hawn fejn tmur ħafna.. u għalhekk ħriġna bl-idea li nagħmlu l-walking trails fil-kampanja.”
Temm jgħid li Malta Public Transport se topera rotta speċjali għal dan l-avveniment, li se tkun l-X44, mill-għaxra ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ wara nofsinhar, mill-Belt għall-Imġarr. U mit-tlieta ta’ wara nofsinhar sas-sitta ta’ filgħaxija, l-istess rotta se tkun qed topera mill-Imġarr għall-Belt Valletta.
Dak li jkun jista’ jħalli l-karozza tiegħu ħdejn l-open air gym f’Ta’ Qali, u jitla b’xejn sal-Imġarr permezz tat-trasport provdut.