Aktar minn 400 persuna b’abbiltajiet differenti qattgħu ġurnata mimlija logħob, divertiment u eżerċizzju fiżiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Disa’ ċentri li jispeċjalizzaw fit-taħriġ għall-adulti ngħaqdu flimkien biex għas-sbatax-il darba konsekuttiva jtellgħu l-attività annwali Methodians Help Fund Fun Day.
Din il-ġurnata kienet possibbli biss grazzi għas-sehem ta’ numru kbir ta’ volontiera li pparteċipaw waqt l-attività.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ingħaqdu flimkien għal din l-attività sportiva b’appell komuni.
Huma faħħru lill-organizzaturi u appellaw għal iktar inklużjoni u eżerċizzju fost il-persuni b’diżabilità.