Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali s-Sur Christopher Cutajar, iffirma kuntratt ma’ COGE Impianti għall-manutenzjoni u l-operat tal-Funtana tat-Tritoni, li għadha kif ġiet irrestawrata.
Il-kuntratt b’valur ta’ madwar €265,000 fuq perjodu ta’ sentejn, se jara l-kuntrattur jopera l-funtana u jwettaq ix-xogħlijiet u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn sabiex il-funtana tibqa’ nadifa u topera bl-aħjar mod possibbli.
Ir-restawr tal-funtana, li kien immexxi mill-istess Ministeru, sar fi 300 jum, wara li dan il-monument kien sfortunatament intelaq għal għexieren ta’ snin. Minbarra restawr fuq id-dehra tal-ġganti, sar ukoll xogħol ta’ struttura sabiex it-Tritoni jkunu jifilħu l-plattin.
Il-proġett kien jinkludi wkoll it-tindif u r-restawr tat-travertin, filwaqt li ġew miżjuda d-dwal, sistemi ta’ pompi tal-ilma ġodda u sistema li tiffiltra u tittratta l-ilma.
Il-Ministeru ra li x-xogħol li sar sforz ta’ dan l-investiment għandu jkun preservat bl-aħjar mod, u jinsab sodisfatt li ntlaħaq dan il-ftehim li se jkun qiegħed jipproteġi lil dan il-monument li qed iservi ta’ attrazzjoni ewlenija fid-daħla tal-belt kapitali.