Kull min ilbieraħ filgħaxija għadda minn fejn l-ajruport, in-naħa ta’ Ħal Farruġ seta’ jara preżenza qawwija ta’ vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanzi fost l-oħrajn.
Dawn bħala parti minn eżerċizzju ta’ simulazzjoni li kellu l-għan li jħejji għal kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’ fl-ajruport u li tat lill-qawwiet tas-sigurtà l-opportunità li jipprattikaw kif għandhom isalvaw lin-nies f’każ li tinqala’ emerġenza anke fl-agħar xenarju possibbli.
Kien ftit wara t-tmienja tat-Tlieta filgħaxija li l-eżerċizzju t’emerġenza fl-ajruport beda iżda l-preparamenti bdew minn kmieni.
Ġewwa kamra mgħammra apposta biex jitmexxew operazzjonijiet t’emerġenza, il-Kap tas-Sigurtà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Patrick Murgo spjega lill-ġurnalisti preżenti kif se jitmexxa dan il-proċess.
Is-sitwazzjoni simulattiva kienet tikkonsisti f’ajruplan li telaq minn Ġenova lejn Malta.
Kif kien nieżel, l-ajruplan fuq ir-runaway l-antika f’Ħal Luqa, il-bdot sejjaħ għall-emerġenza.
Pronta kienet l-assistenza hekk kif ħin bla waqt ġew diversi vetturi tat-tifi tan-nar u tal-armata kif ukoll ambulanzi.
Hawnhekk kien diġà dalam, u kif spjega aktar qabel Patrick Murgo, l-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li s-servizzi tas-sigurtà fl-ajruport jaraw kemm huma effettivi r-riżorsi marbuta mal-għajnuna t’emerġenza offruta.
Sadanittant mill-ajruplan dehru ħerġin numru ta’ passiġġieri, wħud bi ġrieħi serji li saru permezz ta’ rtokk.
Kien hemm passiġġiera mgħejjuna u oħrajn li bdew jgħajtu sabiex l-eżerċizzju jkun reali kemm jista’ jkun.
Hekk kif is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata fl-iqsar żmien, stajna naraw is-serjetà liema bħala li biha tmexxa dan l-eżerċizzju u r-riżorsi li l-ajruport għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex kemm-il darba tinqala’ emerġenza kollox ikun għal-lest.
Filfatt fl-aħħar ħames snin, l-ajruport internazzjonali ta’ Malta investi xejn inqas minn nofs miljun ewro fi preparazzjoni t’emerġenza.