Għall-ħabta tal-23:00 tal-Jum tat-Tlieta seħħ inċident fi Triq Għar Dalam, Ħal Għaxaq, direzzjoni lejn Birżebbuġa li sorsi fuq il-post iddeskrivewh bħala wieħed serju ħafna. Hu mifhum li vettura tat-tip Volkswagen Golf misjuqa minn tfajla ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa għall xi raġuni tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla f’ xatba f’ residenza fit-triq prinċipali direzzjoni lejn Birżebbuġa. Flimkiem magħha fil-vettura kien hemm tfajla ta’ 26 sena residenti Birżebbuġa, u raġel ta’ 32 mill-Iżlanda.
Fuq il-post tal-inċident issejħu diversi timijiet mediċi mmexxija mit-tabib tat-taqsima tal-Emergenza Dr. Michael Spiteri, uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili u Pulizija li qed mexxew operazzjoni ta’ salvataġġ.
Il-persuni inħarġu mill-vettura wara li ġew mqaċċta diversi partijiet mill-karozza permezz tal-makkinarju tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħdu l-isptar Mater Dei skortati minn vetturi tar-Rapid Intervention Unit.
Aktar tard it-tfajla ta’ 24 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief, it-tfajla ta’ 26 sena ġiet iċċertifikata li qed ssofri minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Donatella Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.