Il-Gvern qed ilesti lill-pajjiż għall-ġejjieni. F’diskors fl-Imqabba, il-Prim Ministru Joseph Muscat, tkellem dwar kif din hija l-mentalità li jrid idaħħal f’pajjiżna.
Fisser kif il-Gvern telaq minn sitwazzjoni ta’ “crisis-management” għal gvern li ngħata l-fiduċja mill-poplu biex jieħu deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru fisser kif il-mixja għal pitgħada tibda qabel xejn billi insaħħu dak li għandna, fejn irrefera kif fost oħrajn għad hawn lok għal manifattura speċjalizzata. Tenna li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru numru ta’ investimenti oħra.Tkellem ukoll dwar it-tieni aspett tal-istrateġija ta’ “future-proof” li tiffoka fuq oqsma li fihom il-Gvern ħadem biex minn sfida biddilhom f’opportunità. Dan b’mod partikolari għall-qasam mediku fejn issa għandna f’pajjiżna waħda mill-ikbar kumpaniji Amerikani fis-settur.
It-tielet aspett, imbagħad, hu dak li mmorru fejn ħaddieħor jibża’ jmur. Hawn spjega kif dan se jiġri fil-qasam tal-Fintech fejn pajjiżna huwa tal-ewwel li daħal biex jirregola dan is-settur.
Joseph Muscat fisser it-twemmin tiegħu li dan ħa jkun settur kbir daqs is-servizzi finanzjarji u l-gaming diġitali.
Il-Prim Ministru temm jgħid li għaż-żmien li ġej, hemm programm ta’ ħidma intensiv li mistenni joħloq aktar impjiegi fil-pajjiż.