Fit-tlett snin illi ġejjin, pajjiżna ser jospita wieħed mill-akbar avvenimenti importanti fl-industrija diġitali- dan hekk kif f’Settembru illi ġej aktar minn 1,500 persuna ser jattendu għas-sitt edizzjoni tat-THU 2018 VALLETTA MALTA li ser tittella fil-Forti Sant’Iermu kif ukoll f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt Valletta.
Dan l-avveniment li qabel kien jittella’ fil-Portugall u kien jattira kumpaniji diġitali kbar fosthom PIXAR kif ukoll WALT DISNEY PICTURES, ser isir bejn l-24 u t-28 ta’ Settembru- u qed jiġi organizzat mill-organizzazzjoni magħrufa bħala Trojan Horse Was a Unicorn.
L-organizzazzjoni THU twaqqfet fl-2013 minn Andre Luis sabiex b’hekk tingħata pjattaforma b’mod globali lill-kumpaniji kif ukoll individwi li huma intiżi fis-settur tal-logħob diġitali u fl-industrija tal-films- ħalli b’hekk dawn ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi kif ukoll jaħdmu u jitgħallmu flimkien.
L-imħuħ wara l-organizzazzjoni THU għażlu lil Malta sabiex itellgħu dan l-avveniment ta’ prestiġju fit-tlett snin illi ġejjin għall-fatt li jqisu lill-pajjiżna bħala gżira b’potenzjal li tkun iċ-ċentru ta’ eċellenza fis-settur diġitali.
Fil-fatt wieħed mill-pijunieri ta’ dan is-settur Scott Ross spjega kif il-qagħda ġeografika ta’ pajjiżna tgħin sabiex din il-komunità intiża f’dan il-qasam dejjem tkompli tikber.
B’reazzjoni għal dan, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li avvenimenti bħal dawn mhux biss jgħinu sabiex ipoġġu lil Malta fuq il-mappa ta’ dan is-settur imma jkunu wkoll ta’ kontribut fil-proċess ta’ reklutaġġ.
Fil-fatt fl-edizzjoni ta’ din is-sena, Malta ser tkun qed tospita aktar minn 30 kumpanija li qed ifittxu li jimpjegaw il-ħaddiema f’dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar il-pedamenti li fuqu huwa mibni dan is-settur-ir-riżors uman- liema mezz huwa tant importanti għal pajjiżna. Huwa fakkar kif permezz tal-edizzjoni THU 2018 VALLETTA MALTA, dan mhux biss ser jiġbed aktar turisti f’pajjiżna imma ser tkompli jtejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta f’din l-industrija tant promottenti.
Intant, fix-xhur illi ġejjin, Malta ser twaqqaf l- l-Istitut Malti għall-Gaming Ewropew bil-għan li jippromwovi direttament l-industrija tal-logħob diġitali.