Wara li f’Jannar li għadda, il-Pulizija f’Ċiprju ħarġu żewġ mandati ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Maria Efimova li tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja dwar l-allegazzjonijiet tagħha fuq il-kumpanija Egrant, rapporti fil-midja Griega qalu li r-Russa tinsab f’idejn il-Pulizija Griega.
F’Jannar li għadda, rapport investigattiv fil-ġurnal Ciprijott Cyprus Business Mail żvela li Efimova tinsab imfittxija mill-Pulizija f’Ċiprju biex tiffaċċja akkużi ta’ serq minn kumpanija li kienet taħdem magħha f’Ċipru qabel ma sabet impjieg f’Malta.
Efimova li taf sew il-lingwa Griega kienet taħdem mal-kumpanija IDF Frangrance Distribution qabel telqet minn Ċiprju.
Jirriżulta li erba’ snin ilu Natalia Antoniou, impjegata ma’ kumpanija tal-avukati f’Ċiprju għamlet rapport mal-pulizija kontra Efimova.
Dan wara li allegatament, ir-Russa serqet mill-kumpanija li kienet taħdem magħha. B’reazzjoni għal dan, ir-Russa qalet li kienet sorpriża li l-pulizija Ċiprijotta kienet qed tieħu passi kontriha issa, jiġifieri erba’ snin mill-każ u allegat li dan kien qed isir b’xi kompliċità minn persuni f’Malta.
Madankollu, Antoniou qalet li r-rapport kontra r-Russa sar erba’ snin ilu fuq struzzjonijiet ta’ sid il-kumpanija u li wassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
Rapport fil-midja Griega qalu li dan l-aħħar Efimova marret Ateni biex tivvota fl-elezzjonijiet Russi. Ingħad li kien hawn li r-Russa allegatament tat lilha nnifisha lill-Pulizija Griega f’għassa tal-pulizija fiċ-ċentur ta’ Ateni.
Siti tal-aħbarijiet Griegi qalu li r-Russa ħadet id-deċiżjoni li tati lilha nnifsha lill-Pulizija wara li l-mija, fil-biċċa l-kbira tagħha Ingliża, ipprovaw jorbtuha mal-każ li seħħ dan l-aħħar dwar l-avvelenament tal-ex spijja Russu Sergei Skripal u bintu mir-Russja. Każ li ħoloq inkwiet kbir bejn il-Gvern Ingliż u dak Russu tant li l-Prim Ministru May ordnat it-tkeċċija tad-diplomatiċi Russi mill-Ingilterra.
Intat il-każ f’Ċipru ma kienx l-uniku każ kriminali fil-konfront tar-Russa. Huwa magħruf li r-Russa tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Malta wara li allegatament inqabdet tibbukkja btajjel għall-familja tagħha fil-Greċja u fil-Ġermanja mill-karta tal-kreditu tal-bank stess.
Hija kienet tressqet il-qorti mixlija bi frodi għad-dannu tal-bank u ta’ kumpanija tal-ivvjaġġar wara li l-Avukat tal-Bank Joe Giglio kien għamel rapport kontriha fl-għassa tal-Imsida.
Hija tinsab akkużata wkoll b’rapport falz kontra uffiċjali tal-Pulizija bil-Qorti Maltija tordna li titpoġġa fil-lista ta’ persuni mftittxija b’mandat ta’ arrest wara li telqet minn Malta bla ma dehret il-Qorti biex twieġeb għal dawn l-akkużi.
Skont il-blogger Daphne Caruana Galizia, Efimova kienet is-sors tal-istejjer tagħha dwar il-każ Egrant. Madankollu x-xahar u nofs ilu ir-Russa qalet li ma kinitx is-sors oriġinali u l-anqas dokumenti ma kellha biex tipprova l-allegazzjonijiet tagħha.