Il-mina tal-Universita’, li tieħdok għall-kumpless sportiv u l-Imsida, se terġa’ tinfetaħ għall-vetturi għada filgħodu.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat il-mina ma kinitx aċċessibli minħabba li kienu qegħdin isiru numru ta’ xogħlijiet. Transport Malta għażlet li tibni mill-ġdid il-mina tal-Universita’, waqt li kienet għaddejja bix-xogħlijiet għall-Proġett tal-Kappara. Il-mina ma kinitx parti mill-proġett iżda l-Awtorita għażlet li tagħmel dan ix-xogħol biex tevita li fil-futur, Triq Mikiel Anton Vassalli terġa’ tinqala’ biex isir xi manteniment tal-mina.
Transport Malta bniet mina usa, iktar sikura u iktar addattata għall-esiġenzi tal-Universita’ tal-lum. Il-mina tlestiet waqt ix-xogħlijiet tal-proġett tal-Kappara. L-Universita’ mbagħad talbet lil Transport Malta biex twessa’ wkoll it-triq li twassal għaliha. Għaldaqstant, l-Awtorita’ bdiet twessa’ din it-triq minnufih.
Ix-xogħol issa huwa lest. L-istudenti, u dawk li jifrekwentaw l-Universtia’, jistgħu jibdew jużaw it-triq u l-mina l-ġdida biex imorru mill-Universita’ għall-Imsida jew bil-kontra minn għada.