Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, telqet mid-Dar Ċentrali biex fetħet uffiċċju l-Ħamrun.
Intqal lilna kif “kumbinazzjoni” t-tluq tagħha mid-Dar Ċentrali nzerta ħabat mal-ħatra ta’ Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sa qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista kienu jħaddmu skema fejn jikru spazju fid-Dar Ċentrali bil-għan li l-partit ikun qed idaħħal fondi Ewropej. Meta din il-gazzetta rrappurtat dwar dan kienu qamu dubji kbar dwar kemm dak imħaddem mill-Partit Nazzjonalista kien skont ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Iżda, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija tal-istess partit dejjem iddefendew dak li kienu qed jagħmlu u qalu li mhuma jiksru l-ebda liġi.
Però s-sajf li għadda Roberta Metsola ħadet triq oħra u wara li Delia deher li beda jikseb appoġġ biżżejjed biex isir kap tal-partit bdiet tfittex triq għal barra mill-istamperija.
Eventwalment fetħet l-uffiċċju fi Triq id-Duluri, il-Ħamrun u llum m’għadhiex topera mid-Dar Ċentrali. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li għamlet fl-ewwel snin tagħha bħala MEP. Imkejjen fid-Dar Ċentrali ddeskrivew dan bħala pass sinifikanti ħafna anke għax f ’moħħ ħafna għadha ċara d-dehra ta’ Roberta Metsola tqarras wiċċha fuq il-Fosos fl-ewwel diskors tal-Kap tal-PN, Adrian Delia.
Iżda, hemm min jargumenta li sinifikanti wkoll hu l-fatt li l-uffiċċju l-ġdid infetaħ fid-distrett ta’ Claudio Grech, dak li bħal Roberta Metsola jissemma bħala kandidat possibbli għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Hemm min jemmen li b’dan riedet tibgħat messaġġ ċar lil Grech li m’hemm ebda territorju tiegħu, lanqas l-ewwel distrett, aħseb u ara postijiet oħra. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali Claudio Grech kien ilmenta għax skont hu kien imwarrab mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista. Establishment li Roberta Metsola kienet parti minnu sa mill-ewwel darba li rifset l-għatba tad-Dar Ċentrali. Fost oħrajn dan minħabba kemm kienet qrib ta’ Richard Cachia Caruana, l-istrateġista tal-PN, li għal snin twal issimbolizza l-establishment tal-Partit Nazzjonalista. L-istess establishment li wiegħed li se jneħħi Adrian Delia. Iżda kif nirrappurtaw f ’aħbarijiet oħra fil-gazzetta tal-lum spiċċa maħkum minnu.