Messaġġ kontra l-firda li m’hemmx bżonnha – One News

Messaġġ kontra l-firda li m’hemmx bżonnha

F’San Ġiljan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, għamel appell imqanqal kontra firda li m’hemmx bżonnha fis-soċjetà u tenna li dak tiegħu huwa gvern li ma jibżax jitkellem dwar ir-realtajiet u jieħu d-deċiżjonijiet.

Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-każ, il-Prim Ministru ħa spunt mill- mewt ta’ żagħżugħ f’Paceville il-ġimgħa li għaddiet u r-reazzjoni għaliha fost is-soċjetà.

“Is-sentiment razzista lejn kull min mhuwiex Malti jekk inħalluh għaddej mingħajr ma nikkummentaw dwaru nkunu qegħdin nonqsu. Tafu li kien hemm min prova jitfa’ l-ħatab fuq in-nar u jdaħħal firda li m’hemmx bżonnha. Dan il-gvern mhux hawn biex jiddefendi l-barranin. Jekk ikun hemm barrani li għamel xi ħaġa ħażina jittella għal ġustizzja. Bħalma jekk ikun hemm Maltin li għamlu ħażin jittellgħu għall-ġustizzja. Iżda, nappella għas-sensibbiltà,” qal Joseph Muscat li kellu messaġġ ukoll għall-irwol tal-mezzi tax-xandir f’każi bħal dawn.

Tkellem dwar kif is-sentiment li ħareġ, joħroġ problema li rridu niffaċjaw bħala poplu. “Dan il-pajjiż qed jikber u qed jistagħna. Dan il-pajjiż se jagħmel lil kulħadd iktar sinjur. Meta ngħamlu hekk se jonqsu n-nies, uliedna, li jridu jagħmlu ċertu xogħolijiet,” qal il-Prim Ministru li tenna kif pajjiżna bilfors irid jattira nies li jidħlu għal ċerti xogħlijiet.

Hawn spjega kif l-idea li jagħmel xi tip ta’ ħajt bejn il-barranin u l-Maltin hija fantazija. “Pajjiżi li kellhom l-estremiżmu kien għax provaw dik il-politika fejn jifirdu minflok jgħaqdu,” qal Joseph Muscat li tenna li ma jridx jieħu triq li twassal għal bomba tal-ħin f’idejn il-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Hawn tkellem ukoll fejn l-istat irid jinforza iktar. “Naf il-problema ta’ nies ġenwini li huma mħassba u minn naħa l-oħra rridu niffaċjaw sitwazzjoni fejn ma nħallux ix-xenofobija fil-pajjiż,” qal il-Prim Ministru.

Irrefera għad-diskussjoni u l-qlajjiet dwar l-abort u reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu u tal-Partit Laburista kontra l-abort.

“Kont nistenna l-awtoritajiet morali tal-pajjiż jitkellmu dwar din l-issue, fejn kellna kwistjoni splussiva. Kieku l-forzi tal-ordni tagħna ma kinux effiċjenti llum għandna sitwazzjoni soċjali li setgħet ħarbet mill-idejn,” qal Joseph Muscat.

Ħajr lill-forzi tal-ordni

Il-Prim Ministru għamel ringrazjament lill-forzi tal-ordni li qed iwasslu għal riżultati importanti u tkellem dwar ir-riforma biex ikunu mmodernizzati. “Nixtieq nirringrazja lil forzi tal-ordni li din il-ġimgħa stess f’każ ieħor sensittiv immens waslu għal tmiem ta’ investigazzjonijiet fejn tressqu persuni l-Qorti. Issa jkun hemm il-kors tal-ġustizzja li nħalluha ssir,” qal Joseph Muscat li ma tkellimx dwar każi partikolari biex ma jippreġudikax il-kors tal-ġustizzja.

“Irrid nemfasizza li huwa sinjal qawwi mill-forzi tal-ordni… ħafna mir-riżultati li qed naraw huwa frott li l-forzi tal-ordni qed ipoġġu madwar mejda u jikkolaboraw bejniethom,” qal Joseph Muscat li fakkar kif dawn huma każijiet ta’ bombi li nkwetaw lill-pajjiż.

Irrefera wkoll għal qabdiet ta’ droga fejn kien hemm is-sehem tad-dwana u s-servizzi tas-sigurtà f’pajjiżna.

Investiment fl-ambjent

Tkellem dwar kif xogħol il-gvern u hu dak li jidher impossibbli jgħamlu possibbli. “Kemm ħadt pjaċir li għamilna xi ħaġa li n-nies ta’ Malta u Għawdex kollha kienu jgħidulek li hi impossibbli. Żblukkajna s-sitwazzjoni ta’ Manoel Island. Dan hu proġett li ilu biex isir miżerjament ħamsin sena,” qal Joseph Muscat li rrefera għall-impenn tal-gvern f’din is-sitwazzjoni. “Stajna ħsilna idejna u għidna dan ftehim tan-nazzjonalisti u qisu ma ġara xejn. Minflok ħsilna idejna, dħalnilha l-problema u wasalna biex hawn se jkun hawn park pubbliku ta’ tmenin tommna,” sostna Joseph Muscat li tenna kif dan se jkun miftuħ għan-nies f’żona fejn hawn wisq bini.

Fisser kif daħal il-kunċett ta’ patt għall-ħarsien fejn il-komunità u l-investitur qed jiftehmu li minflok jiġġieldu, biex iċaqalqu xi ħaġa mill-ftehim li għandhom ħolqu fondazzjoni bejn iż-żewġ naħat. “Inħares ‘il quddiem lejn iktar proġetti fil-komunità fejn inkunu nistgħu ndaħħlu dan il-punt. B’dak li ġie ffirmat sar iktar għall-ambjent milli għamlu gvernijiet nazzjonalisti f’leġiżlaturi sħaħ,” qal Joseph Muscat li fisser bħala punt importanti wkoll il-fatt li l-leġiżlatur se jibda l-proġett u l-investiment li se jsir fiż-żona.

B’rabta ma’ dan irrefera għal kwistjoni ta’ Bulebel. “Illum il-ġurnata li tant hawn nies iridu fabbriki li għandna bżonn iktar spazju. Imma smajna l-komunità u rajna l-affarijiet biex nipproteġu dik l-art. Għax il-kwistjonijiet nidħlulhom u mhux namministraw imma mmexxu. Ħaddieħor titfixkel,” qal Joseph Muscat li fisser kif anke fil-pensjonijiet ittieħdu d-deċiżjonijiet fejn żdiedu u se jibqgħu jiżdiedu kull sena.

Reġa’ rrefera għall-kwistjoni tal-iskart u l-fatt li l-oppożizzjoni baqgħet m’għandiex pożizzjoni ċara dwar dan. Filwaqt li l-gvern għażel it-triq li mill-iskart jipproduċi l-enerġija.

Joseph Muscat tkellem ukoll dwar deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-ġimgħat li ġejjin. “Se ssibuna ponn wieħed magħqud fuq l-iktar għażliet li jistgħu jidhru diffikultużi għax dak li jgħaqqadna huma l-prinċipji,” tenna l-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend