BFA webbes rasu u baqa’ ma rranġax l-illegalitajiet fil-villa tiegħu – One News

Notifiki

BFA webbes rasu u baqa’ ma rranġax l-illegalitajiet fil-villa tiegħu

Id-deputat u l-Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami baqa’ jwebbes rasu u ma rranġax l-illegalitajiet fil-villa tiegħu fil-Għargħur. Dan minkejja li wara li applika biex jissanzjona partijiet mill-proprjetà u jagħmel xi tibdil ieħor, kien impenja ruħu li se jirranġa dak li ma kellux skont il-permess, fost oħrajn f’żona ODZ.

Iżda, meta ġie għall-mument tal-prova Beppe Fenech Adami reġa’ m’osservax il-liġi u m’għamel xejn minn dak imwiegħed. Biex meta l-applikazzjoni tiegħu telgħet quddiem il-Kummissjoni għall-Ippjanar għal deċiż- joni finali, din il-Kummissjoni ma kellhiex għażla għajr li tirrifjuta l-permess b’mod unanimu. L-abbużi ta’ Fenech Adami jmorru lura għal qabel l-elezzjoni ġenerali meta l-gazzetta Kullħadd kienet fost dawk li żvelaw l-aġir tal-Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-proprjetà tiegħu li għandha valur miljunarju.

Dakinhar ma kien hemm xejn għajr ċaħdiet u saħansitra ntilef libell mill-gazzetta Kullħadd. Però ladarba għaddiet l-elezzjoni ġenerali Fenech Adami mar biex jagħmel legali dak li kellu llegali. Il-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar ippropona li dak li Fenech Adami ried jissanzjona jkun irrifjutat: xi ħaġa imbarazzanti għal Fenech Adami li dejjem insista li ma kellux problemi.

Ir-rapport tal-case officer jgħid li Fenech Adami bidel art agrikola bħala parti mill-ġnien tiegħu kontra l-pjan strateġiku għaż-żona. Fenech Adami ried jissanzjona wkoll ix-xogħol li għamel biex spiċċa bi swimming pool ikbar milli jippermettu r-regoli, u passaġġi wesgħin ukoll kontra r-regoli. Din kienet deskritta bħala l-iktar parti problematika tal-applikazzjoni.

B’din il-parti tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp, ODZ u fis-smigħ tat-tribunal tal-Awtorità nġibdet l-attenzjoni dwarha iktar minn oħrajn. Anke l-ERA, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, oġġezzjonat għallpjan ta’ Fenech Adami u l-istess il-Kumitat għall-Agrikoltura.

Dan wassal biex l-Awtorità qaltlu li jrid iressaq pjan ta’ kif se jneħħi l-illegalitajiet li għandu fuq is-sit u jġibu skont il-politika tal-Awtorità għal żoni ODZ qabel ikollu passi oħra kkunsidrati. Jirriżulta li l-applikant, jiġifieri Fenech Adami, iddikjara li se jkun qed jikkonforma ruħu ma’ din it-talba. Biex hekk Beppe Fenech Adami nnifsu ammetta l-illegalitajiet.

Però wara żjara tal-membri tal-Kummissjoni, li minnha rriżultat li Beppe Fenech Adami ma kienx żamm kelmtu, reġa’ kien hemm talba biex idaħħal pjanti li juru li se jkun qed jirranġa. Iżda, eventwalment wera li ma tantx kien lest li jagħmel dan u l-bord mexa biex irrifjutalu l-applikazzjoni li kien qed jagħmel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend