Wara ġurnata ta’ votazzjoni tul il-jum tal-Ħadd, il-koalizzjoni leminija, li tinkludi fiha l-partit Forza Italja tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi, rebħet l-elezzjoni fl-Italja, wara li ġabet seba’ u tletin fil-mija tal-voti kollha mitfugħa.
Minkejja dan, l-istess koalizzjoni ma ġabitx biżżejjed voti, u attwalment siġġijiet, biex tikseb maġġoranza parlamentari.
Huma ħafna li qed jistennew li dawn jidħlu f’diskussjonijiet mal-partit Cinque Stelle biex jiffurmaw koalizzjoni ta’ Gvern. Dan tal-aħħar sar l-iktar partit popolari fl-Italja, hekk kif kiseb wieħed u tletin fil-mijja tal-voti miksuba.
Ir-riżultat tal-elezzjoni kien wieħed diżappuntanti għall-Partit Demokratiku li mexxa lil pajjiż fl-aħħar ħames snin. Minkejja li l-ekonomija rkuprat xi ftit, il-koalizzjoni taċ-ċentru xellug kisbet tlieta u għoxrin fil-mija tal-voti u spiċċat fl-Oppożizzjoni.Fost il-fattur li wasslu għal dan ir-riżultat diżappuntanti kien hemm iż-żieda fil-faqar u l-qagħad li splodew, waqt li l-migrazzjoni fil-pajjiż kompliet tiżdied, b’iktar minn nofs miljun immigrant jidħlu fl-Italja fl-aħħar snin.
Rapport fil-midja Taljana qalu li l-ex Prim Ministru Matteo Renzi mistenni jħabbar ir-riżenja tiegħu minn Mexxej tal-Partit Demokratiku.
Intant, Alessandro Di Battista, uffiċċjal fil-partit Cinque Stelle, iddeskriva r-riżultat bħala rebħa kbira, u qal li dan huwa mument ta’ glorja.
Michele Martina, ministru fil-Gvern preżenti, u uffiċċjali fil-Partit Demokratiku, iddeskriva r-riżultat bħala telfa kbira u ċara kemm għall-Gvern, kif ukoll għall-Partit Demokratiku.
Ir-riżultat tal-elezzjoni ra wkoll lill-Partit Lega Nord ta’ Matteo Salvini, partit ewro-xettiku u kontra l-immiggranti, jaqbeż lill-partit deskritt bħala ‘tal-establishment’ Forza Italia, billi ġab tmintax fil-mija, b’dan tal-aħħar iġib erbatax fil-mija tal-voti.
Skont dak rappurtat fil-midja Taljana, il-koalizzjoni li rebħet l-elezzjoni, li fiha hemm Silvio Berlusconi, mistennija tirbaħ madwar mitejn u ħamsin siġġu, madwar tmenin siġġu anqas mit-316-il siġġu meħtieġa biex tinkiseb maġġoranza parlamentari.
Il-Partit Cinque Stella mistenni jġib ftit iktar minn mitejn siġġu.
Minkejja r-rebħa għall-koalizzjoni ta’ Silvio Berlusconi, dan ma jistax jinħatar Prim Ministru, wara li nstab ħati fuq frodi ta’ taxxa.