Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali dwar l-agrikoltura f’pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin.
Politika li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta. Din il-politika fiha sitt objettivi b’miri fattibbli.Dawn huma l-preżentazzjoni u t-traċċibilità tal-prodott lokali, l-iffaċilitar tat-trasferiment tal-art għall-bdiewi, is-sostenn tal-ilma u r-riżorsi, il-kompetittività tal-prodott lokali meta kkumparat ma’ prodotti barranin, u l-ħtieġa ta’ iktar riċerka.
B’kollox ġew identifikati sebgħin miżura biex dawn l-objettivi jitwettqu fil-prattika.
Preżenti għat-tnedija tal-konsultazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, li qal li parti essenzjali mill-politika tal-Gvern hija li ma jkunx hemm triq waħda biss għas-suċċess anki f’dan il-qasam.
Huwa fakkar fix-xogħol li nbeda fil-Pitkalija u qal li fix-xhur li ġejjin se jitħabbru b’mod konkret id-dettalji ta’ immodernizzar tas-sistemi li wasslu għal qabża kbira fil-kwalità.