Lorna Schembri, il-Kap tal-Iskola li t-Tlieta li għadda sfat aggredita minn nanna ta’ student fil-Birgu qalet li ma tistax x’tifhem x’wassal lil mara biex taqbadha minn xagħarha, tkaxkarha mal-art u ttiha bil-ponn u bis-sieq.
In-nanna li għandha sebgħa u erbgħin sena u li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti nstabet ħatja li aggrediet lil Schembri u ġiet immultata erbat elef ewro u kkundannata sentenza ta’ ħabs sospiża.
Fi stqarrija l-Unjin tal-Għalliema l-MUT tat id-dettalji dwar l-aggressjoni li seħħet fil-konfront tal-Kap tal-Iskola. Ingħad li l-inċident seħħ ftit wara l-għaxra ta’ filgħodu meta Schembri kienet bilqiegħda titkellem fuq it-telefown fl-uffiċċju tagħha. Ingħad li l-mara daħlet fl-uffiċċju tagħha u qalet biss li kienet in-nanna ta’ student. Minnufih tenniet il-kliem ‘Ħadd ma jgħajjat mat-tifel’ u bla ma tatha ċans tipprova tifhem u twieġeb, qabditha minn xagħarha u kaxkritha għal mal-art fejn filwaqt li baqgħet iżżommha minn xagħarha, bdiet ittiha ħafna daqqiet bil-ponn u bis-sieq.
Kien hawn li membru mit-tmexxija tal-iskola u handyman intervjenew biex iwaqqfu lill-aggressur, li wara ġiet skortata ‘l barra mill-bini.
Hawnhekk intalbet ukoll l-assistenza tal-pulizija filwaqt li minnufih ġiet ukoll l-ambulanza li ħadet lis-Sinjura Schembri l-isptar minħabba ġrieħi u wġieħ. Hi ħarġet mill-isptar it-Tlieta filgħaxija wara sensiela ta’ testijiet u wara li ngħatat il-kura medika.
Il-Kap tal-Iskola sostniet mal-MUT li hi ma tafx lill-aggressur filwaqt li kemm hi u kemm l-edukaturi dejjem ħadu ħsieb lill-istudent kkonċernat.
Għaldaqstant qalet li ma tistax tifhem x’wassal għal din l-aggressjoni.
Is-Sinjura Schembri tat hajr lil kull min kien ta’ sostenn inkluż il-membri tal-istaff, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ufficcju tal-Prim Ministru, lill-Pulizija u t-tim mediku li assistiha.