Il-kumpanija Kanadiża Nuuvera, waħda mill-akbar kumpanija fid-dinja involuta fil-produzzjoni tal-kannabis mediċinali ħabbret li xtrat laboratorju privat f’Malta li joffri għadd ta’ servizzi fl-industrija tal-farmaċewtika.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-kumpanija wriet interess qawwi li tespandi l-operat tagħha f’Malta, wara li l-Gvern ressaq għad-diskussjoni fil-Parlament abbozz ta’ liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali.
Il-kumpanija Kanadiża qalet li xtrat dan il-laboratorju f’Malta bħala parti minn pjan ta’ espansjoni ta’ ħames miljun dollaru fl-Ewropa.
Il-kumpanija hija wiaħda minn tlieta li ngħatat letter of intent mill-Malta Enterprise biex tibda topera minn gżiritina. Dan wara li l-Gvern ressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex pajjiżna jkun jista’ tibda l-produzzjoni tal-kannabis mediċinali.
Fi stqarrija, il-kumpanija Kanadiża ħabbret li xtrat il-laboratorju ta’ ASG Pharma, wieħed mill-ftit laboratorji ċċertifikati f’Malta. Ingħad dan mistenni jkun iċ-ċentru tagħha għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali li ġejjin mill-kannabis għas-swieq Ewropej.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Nuuvera, Lorne Abony qal li huwa ċar li Malta b’mod speċifiku u l-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali għamlu bħala prijorità l-intenzjoni li joffru protezzjoni kbira lill-konsumaturi.
Qalet li din il-politika hija konformi mal-viżjoni tagħhom li joħolqu ċentru ta’ eċċellenza f’Malta għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi li ġejjin mill-kannabis. Qalet li f’dan il-kuntest, ASG Pharma se timxli mal-ogħla standards internazzjonali għall-iproċessar, l-estrazzjoni, id-distribuzzjoni u protokolli ta’ sigurtà.
Il-kumpanija Nuuevera hija l-uniku kumpanija internazzjonali involuta fil-qasam tal-kannabis mediċinal li għandha faċilità li hija awtorizzata li tmexxi attivitajiet kummerċjali b’rabta mal-kannabis u prodotti oħrajn ġejjin mill-kannabis.
Żied jingħad li permezz ta’ dan l-investiment f’dan il-laboratorju privat se tkun qed iġġib f’Malta din il-kompetenza.
Antonio Costanza, il-Kap Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-kumpanija qal li l-kisba ta’ dan il-laboratorju hija waħda minn sensiela ta’ ftehimiet li se jkomplu jifirxu l-preżena tal-kumpanija fl-industrija tal-kannabis mediċinali. Qal li l-kumpanija se tkompli tibni fuq il-bażi b’saħħitha li għandha fil-Kanada bil-għan li tipprovdi lill-konsumaturi bl-aqwa prodotti mediċinali li ġejjin mill-kannabis bi prezzijiet kompetittivi.