L-Istati Uniti mistennija jimponu numru ta’ sanzjonijiet ġodda fuq il-Korea ta’ Fuq – sanzjonijiet li skont il-President Amerikan Donald Trump se jkunu l-ikbar li qatt kien hemm.
Dawn se jippuntaw lejn iktar minn ħamsin vapur u kumpanija tat-trasport marittimu fil-Korea ta’ Fuq, imma anke ċ-Ċina u t-Tajwan.
Il-Korea ta’ Fuq għal dawn l-aħħar snin kienet taħt il-lenti internazzjonali minħabba l-programm nukleari tagħha, u minkejja s-sanzjonijiet imposti s’issa, kompliet fl-ittestjar ta’ missili.
L-Istati Uniti jisħqu li s-sanzjonijiet il-ġodda mistennija jagħfsu iżjed lill-pajjiż Ażjatiku, billi jaqtgħulu sorsi ta’ dħul u fjuwil meħtieġ għall-programm nukleari , kif ukoll jissaħħu l-miżuri u r-restrizzjonijiet imposti s’issa.