Wara li pajjiżna abbanduna l-użu tal-aktar żejt li jħammeġ u beda jiġġenera l-elettriku permezz tal-gass, ix-xogħol jinsab għaddej ġmielu biex l-infrastruttura tal-elettriku tinqaleb għall-waħda fissa permezz tal-pipeline tal-gass minn Gela fi Sqallija għal Marsaxlokk. Ir-relazzjoni tajba li għanda Malta ma’ dan il-pajjiż wasslet biex ikun hemm qbil li ser iħalli impatt ambjentali pożittiv għal pajjiżna.
Hu mifhum li dan il-proġett ser jiġi jiswa madwar 320 miljun ewro u hu pjanat li jibda jopera lejn l-2024 biex b’hekk ma jkollniex aktar bżonn li nieħdu l-gass mit-tanker li hemm sorġut bħalissa f’ Marsaxlokk. Proġett li l-proċess tiegħu beda matul is-sena li għaddiet u wasal fil-fażi fejn jibda jsir l-istudju dwar l-impatt ambjentali tal-proġett.
F’laqgħa bilaterali bejn il-Ministru Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Gela, Domenico Messinese ġiet diskussa r-relazzjoni li għandhom dawn iż-żewġt pajjiżi u kif il-proġett tal-pipeline ser ikompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijet b’ Messinese jgħid li din il-ħidma ser twassal biex ndawwru problema f’ opportunita.
Messinese żied jgħid li dan il-proġett jawgura tajjeb biex Malta jkollha ambjent b’arja iżjed nadifa.
Il-Ministru Joe Mizzi stqarr li Malta u Sqallija għandhom storja twila ta’ relazzjonijiet tajbin bejniethom li magħhom ġabu diversi benefiċċji kummerċjali u kulturali bil-proġett tal-pipeline tal-gass jiftaħ opportunitajiet ġodda għal relazzjonijiet infrastrutturali bejn iż-żewġt pajjiżi.