€100 miljun fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-terminal tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta – One News

Notifiki

€100 miljun fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-terminal tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata approvazzjoni għall-master plan tiegħu mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-master plan jipprevedi li l-kumpanija ser tkun qed tinvesti tal-anqas €100 miljun fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-terminal, kif ukoll fil-kampus tal-ajruport b’mod ġenerali.

Wara l-għoti ta’ din l-approvazzjoni l-kumpanija ser tkun qed tipproċedi għall-istadju tal-ippjanar tal-programm ta’ investiment tagħha, li huwa mistenni li jiġi eżegwit fi tliet fażijiet prinċipali. “Permezz ta’ dan l-investiment imdaqqas qed nimmiraw li nissolidifikaw ir-rwol importanti tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-ekonomija lokali, billi nkomplu nikbru b’tali mod li nkunu nistgħu nilqgħu aktar turisti u noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Dan il-programm ser ikompli jsejjes fuq is-suċċessi ta’ investimenti li saru fil-passat bil-għan li l-kampus tal-ajruport ikompli jiżviluppa f’destinazzjoni mfittxija għal skopijiet ta’ negozju u konvenjenza,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg. Sa mill-privatizzazzjoni tal-kumpanija fl-2002, dejjem sar investiment b’mod konsistenti bil-għan li lajruport jiġi stabbilit bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa.

Tul is-16-il sena li għaddew, l-infrastruttura tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bbenefikat minn nefqa ta’ aktar minn €110 miljun, bl-aktar titjib notevoli li ġab miegħu dan l-investiment ikun espansjoni tat-terminal, rikonfigurazzjoni tat-terminal li ser tippermetti li t-traffiku tal-ajruport ikompli jiżdied u l-bini ta’ SkyParks Business Centre. Fit-terminu qasir, il-kumpanija ser tkun qed tiffoka fuq it-tlestija tal-Proġett tar-Rikonfigurazzjoni tat-Terminal tagħha, li permezz tiegħu diġà sar ħafna titjib fil-binja tat-terminal. Fl-istess waqt, u flimkien mal-konsulenti tagħha, il-kumpanija ser tkun qed taħdem fuq it-tħejjija ta’ pjanti għall-espansjoni tat-terminal. Din l-espansjoni ser issir bil-għan li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkun f’pożizzjoni aħjar li jipprovdi esperjenza eċċellenti fl-ajruport lil numru ta’ passiġġieri li dejjem qed jiżdied u li jkompli jtejjeb il-konnettività tal-gżejjer mal-bqija tad-dinja. F’konformità mat-tendenza fejn l-ajruporti qed jesploraw opportunitajiet li jħarsu lil hinn mir-rwol tagħhom ta’ infrastruttura ta’ trasportazzjoni, il-kumpanija ser tkompli tevolvi l-kampus tal-ajruport f’kumpless li joffri faċilitajiet ta’ negozju u ħwienet ta’ kwalità għolja u anki aktar opportunitajiet ta’ xogħol.

Fil-fatt, fl-aħħar kwart tas-sena huwa maħsub li jingħata bidu għal xogħlijiet fuq il-bini ta’ pakeġġ b’bosta sulari, li ser jipprovdi spazju għal aktar minn 1,300 karozza. Il-master plan jinkludi wkoll pjanijiet għall-iżvilupp ta’ SkyParks II li ser jakkomoda spazju għal uffiċini u ħwienet, kif ukoll business hotel.

Qabel l-approvazzjoni tiegħu, il-master plan tal-kumpanija ġie suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt tat-Traffiku u Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li bħala parti minnha nfetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati lokali, NGOs ambjentali u awtoritajiet governattivi bil-għan li dawn ikunu jistgħu jirrevedju l-pjan u jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar il-master plan, tista’ żżur http://www.maltairport.com/corporate/investors/investments.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend