Ir-raġel ta’ 35 sena li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu tilef ħajtu traġikament wara li nar qawwi ħakem blokka appartamenti f’Marsaskala, miet waqt li kien qed jipprova jsalva lis-sitt persuni l-oħra li nqabdu fin-nirien. Ikkonfermaw dan sorsi qrib l-investigazzjonijiet li għaddejin dwar dan il-każ.
Sorsi fuq il-post tal-inċident qalu li l-vittma ma kienx ilu żmien twil jgħix fil-blokka u wieħed mill-ġirien żied jgħid li llum, propju fil-jum li fih tilef ħajtu, il-vittma kien ser jiċċelebra għeluq sninu.
Fi stqarrija maħruġa mil-Korp tal-Pulizija, ġie kkonfermat li r-raġel, li l-identita tiegħu għada mhix mgħarufa, instab mixħut mal-art fil-komun tal-blokka tal-appartamenti. Sfortunatament, ftit tal-ħin wara ġie ċċertifikat mejjet fl-Sptar Mater Dei.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.