Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tħabbar proġett ġdid bl-isem ta’ ‘Kreattivi’. Permezz ta’ dan il-proġett, l-istudenti li jattendu l-MCAST qed jingħataw l-opportunità li juru l-produzzjonijiet ċinematografiċi f’ċinema fir-Rabat, Għawdex.
‘Kreattivi’ jikkonsisti f’14-il film qasir prodotti mill-istudenti tal-Istitut tal-Media, tal-Fotografija u tal-Ġurnaliżmu. Dawn ix-xogħlijiet fost l-oħrajn qed jinterpretaw ir-realtà u l-letteratura Maltija.
Dan ifisser li l-Ministeru għal Għawdex qed joffri pjattaforma għal dawk l-istudenti li jaspiraw li jaħdmu fis-settur taċ-ċinematografija li qed jifjorixxi f’pajjiżna.
Aspett ieħor ta’ dan il-proġett hu li tiġi nkoraġuta l-parteċipazzjoni tal-udjenza u għalhekk il-Ministeru qed jiffinanzja lattendenza tal-istudenti tal-Forms 4 u 5 flimkien mal-għalliema tagħhom għall-wiri ta’ dawn il-produzzjonijiet.
Il-films se jintwerew fiċ-Ċinema Ċittadella nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Frar fil-17:30 u d-dħul hu bla ħlas.