Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, is-safar tal-Maltin kompla jiżdied.
Bejn Ottubru u Diċembru li għadda aktar minn 160,000 resident f’Malta vvjaġġaw barra l-pajjiż.
L-Uffiċċju tal-Istatistika qal li dan l-ivvjaġġjar żdied b’16.6 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ kważi 23,000 persuna minn Malta li siefru għal btala, xogħol jew kura barra l-pajjiż.
Ftit anqas minn nofs il-vjaġġjaturi marru l-Italja (48,473) jew l-Ingilterra (31,230) li baqgħu l-iktar destinazzjonijiet imfittxija mill-Maltin. Madandkollu ċ-ċifri juru li l-Maltin qed ikunu aktar avventurużi fis-safar tagħhom tant li kienet irreġistrata żieda ta’ aktar minn 34 fil-mija fi vjaġġ f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.
Huwa stmat li fit-tliet xhur bejn Ottubru u Dicembru, il-Maltin żiedu nefqa tagħhom minn €119-il miljun ewro għal €137.7 miljun biex ras għal ras l-ispiża tas-safra kienet ta’ €858 ewro.
Miċ-ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika juru li s-sena li għaddiet, il-vjaġġi tal-Maltin żdiedu b’15.2 fil-mija waqt li nefqa fuq is-safar mir-residenti f’Malta żdied bi 12 fil-mija u laħqet aktar minn €516.5 miljun.