Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar it-Tnejn filgħaxija vvota kontra l-applikazzjoni għal żvilupp ta’ ristorant f’żona barra mil-limiti tal-iżvilupp.
L-appikazzjoni saret mill-kumpanija MCDONALDS, biex fi Triq il-Labour, minflok fejn illum hemm għelieqi, tibni restorant bi drive-in u b’żona fuq barra b’siġġijiet u mwejjed.
Fil-preżent l-Awtorità tal-Ippjanar qed tanalizza l-applikazzjoni u tikkonsulta mal-entitajiet ikkonċernati.
Fost dawk li mistennija jgħidu tagħhom hemm il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li fl-aħħar jiem sema’ l-karba tar-residenti u ta’ sidien ta’ restoranti li hemm fil-viċin u li argumentaw li dan l-iżvilupp se joħloq inkonvenjent li m’hemmx bżonnu.Fl-aħħar jiem saret ukoll laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan l-iżvilupp.
Is-Sindku Marc Vella Bonnici spjega li attenda għal preżentazzjoni mar-rappreżentanti tal-kumpanija li qed tagħmel l-applikazzjoni. Dan bil-għan li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar dan l-iżvilupp tkun waħda infurmata kemm jistà jkun.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar spjega li l-ġimgħa l-oħra sejjaħ laqgħa b’urġenza u l-Kunsill Lokali qabel b’mod unanimu li fil-prinċipju u fejn hu possibbli l-Kunsill għandu joġġezzjona għal żvilupp li hu ODZ.
F’kummenti lil One News fi tmiem il-laqgħa, is-Sur Vella Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar qabel li jopponi din l-applikazzjoni.
Is-Sur Vella Bonnici qal l-pass li jmiss hu li l-Kunsill Lokali jressaq l-oġġezzjonijiet b’mod formali mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Intant fl-aħħar jiem, il-Gvern ħabbar li qiegħed jikkunsidra siti alternattivi għal art fiż-żona industrijali f’Bulebel li fl-2006 ġiet ikklassifikata bħala art għall-iżvilupp industrijali.