Fil-Karnival kien jintesa ftit id-dwejjaq tal-faqar…ikel, żfin u ċajt – One News

Notifiki

Fil-Karnival kien jintesa ftit id-dwejjaq tal-faqar…ikel, żfin u ċajt

Kif jaf kulħadd, il-Karnival huwa żmien ta’ blugħa, ċajt, ferħ, żfin u xalar. Iż-żmien naturali tiegħu huwa fi ħruġ ix-xitwa u d-dħul tar-rebbiegħa. F’pajjiżi Nsara, il-Karnival dejjem isir qabel ir-Randan, żmien il-ġabra u l-penitenza. Dari għal ġimgħa sħiħa, it-toroq ewlenin tal-Belt Valletta u l-irħula Maltin u Għawdxin kienu jkunu mimlija maskarati b’xi tamburlin tal-landa f’idejhom, jitfgħu l-perlini, kosbor u bċejjeċ tal-karta f’wiċċ in-nies; it-tfal b’wiċċhom imgermed, lebsin xi ġlekk ta’ missierhom jew dublett ta’ ommhom, jiġġennu minn triq għall-oħra. Mat-triqat kien jinstema’ jidwi d-daqq tat-trumbetti u sfafar. F’kelma waħda l-Karnival kien żmien li fih wieħed jinsa għal ftit id-dwejjaq u l-problemi tiegħu u jidħaq xi żewġ daħqiet. Dari, b’xi mod kulħadd kien jieħu sehem, anke n-nies meqjusa bħala serji, min biex jidħaq u min biex idaħħaq. Kultant xi ċajt żejjed kien iqajjem xi ġlieda wkoll, iżda malajr kien jintesa u jgħaddi kollox. Fil-Karnival kollox kien ittollerat.

Jingħad li hawn Malta, il-Karnival daħal mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dokumenti storiċi jgħidulna li l-ewwel Karnival f’Malta sar fl-1560, meta għadd kbir ta’ iġfna tal-prinċpijiet Insara nġabru fil-port lesti biex isalpaw għal Tripli. Għal din l-okkażjoni, il-Gran Mastru ta l-permess li jintlibsu l-maskri fil-pubbliku, xi ħaġa li tat aktar kuraġġ lin-nies li joħorġu lebsin ta’ maskarati bla mistħija. Naturalment, l-entużjażmu tal-Karnival fost il-popolazzjoni kien jirrifletti l-istat li kienet tinsab fih Malta dak iż-żmien. Il-Karnival, bħal kull ħaġa oħra, maż-żmien biddel rixu u tilef ħafna mid-drawwiet tiegħu ta’ dari. Il-poplu llum m’għadux jistenna l-Karnival biex jiddeverti ftit għax hawn opportunitajiet ta’ divertiment is-sena kollha. Barra minn hekk, aktar mal-Karnival beda jiġi organizzat uffiċjalment, il-poplu aktar deher li beda jitlef l-interess tiegħu fl-element spontanju ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Karnival, dari kienu jibdewh it-tfal nhar il-Ħamis fil-Giovedi’ Gras. Kienu joħorġu jiġġerrew mat-triqat b’wiċċhom mgermed bil-faħam, lebsin xi qalziet twil u jħabbtu l-laned u l-għotjien tal-borom u kzazen ma’ xulxin. Uffiċjalment, il-Karnival kien jibda s-Sibt filgħodu bil-Parata. Il-Parata hija żifna li tfakkarna fir-rebħa tal-Maltin fuq it-Torok, u xi wħud jgħidu li din iż-żifna daħħluha magħhom il-Kavallieri tal-Ordni. Iż-żeffiena kienu jkunu bejn 24 u 30, min liebes ta’ Kavallier u min ta’ Tork, b’injama għamla ta’ xabla f’id waħda, u tarka fl-id l-oħra. Ma’ dawn kien ikun hemm xi erba’ rġiel iżommu lasta twila bil-bandiera. Tifla liebsa sabiħ, li tirrappreżenta lil Malta kienu jsejħulha l-Għarusa tal-Parata, u ma’ dan kollu kien ikun hemm xi żewġ daqqaqa wkoll. Kien ikun hemm ukoll wieħed biex imexxi ż-żifna bit-tisfir tas-suffara. Iż-żifna kienet tispiċċa billi l-Maltin kienu dejjem jirbħu fuq it-Torok, u b’turija ta’ ferħ kienu jerfgħu fuq idejhom lit-tifla, u din bi ħlewwa kbira kienet titfa’ bews lin-nies fost iċ-ċapċip tal-folla. Din il-Parata kienet tibda mill-Main Guard, quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru fi Pjazza San Ġorġ, biex iżommu t-tradizzjoni antika ħafna, meta l-organizzaturi tal-Parata kienu jmorru jitolbu l-Gran Mastru l-permess biex isir il-Karnival. Mingħajr il-bandu tiegħu ma kienx jista’ jsir. Minn hemm, il-Parata kienet tkompli ddur mat-triqat tal-Belt Valletta. Is-seklu l-ieħor, is-Sibt waranofsinhar kien ġie introdott il-ballu tat-tfal fìt-Teatru Rjal, jew fil-Każin Malti wara t-Tieni Gwerra. Kien ikun hemm mijiet ta’ bniet u subien lebsin kostumi sbieħ; il-bniet kienu jilbsu ta’ pupi u infermiera (dawn l-aktar kienu moda wara l-ewwel gwerra dinjija), ħafna minnhom bil-krinolin (dublett wiesgħa qisu minfuħ), kollha bil-għazza fuq ħaddejhom. Is-subien kien ikun hemm ħafna minnhom lebsin ta’ kavallieri jew ta’ uffiċjali tas-servizzi Ingliżi u oħrajn jimitaw lil-Charlie Chaplin, Pierrot, eċċ. Kien ikun fihom x’tara, għax ommijiethom kienu jkunu qishom bl-imħatra min ilibbishom l-aħjar.

It-Tnejn waranofsinhar kien ikun riservat għad-danzi jew żfin bil-kostum. Dan kien isir fil-pjazza ta’ quddiem il-Palazz. Il-Ħadd u t-Tlieta tal-Karnival waranofsinhar, kienet isir xi sfilata karnivaleska. L-ewwel dejjem kien jgħaddi l-karru tas-Sultan tal-Karnival, li fi żmien il-Kavallieri kienu jsejħulu l-karru tal-Gran Mastru. Il-karrijiet ta’ seklu ilu ma kinux ikunu kbar daqs dawk tal-lum, u l-anqas ma kienu jkunu mekkanizzati, imma kienu jinħadmu bis-sena, brijużi, u l-biċċa l-kbira kienu jkunu bin-nies lebsin il-kostum fuqhom, li kienu jqanqlu briju kbir minn kull fejn kienu jgħaddu. L-isfilata kienet tibda minn Putirjal, tgħaddi minn Strada Rjali, u tieqaf fi Pjazza San Ġorġ. Ma’ dawn il-karrijiet maż-żmien żdiedu oħrajn satiriċi biex iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-politiċi, oħrajn tal-issuttar li kienu jaqsmu lil kulħadd bid-daħq, waqt li fuqhom kienet tinżel xita ta’ mbarazz, bħal bajd ħażin, pastizzi, kosbor, perlini eċċ. Fost it-temi ta’ dari l-iktar li jissemmew kienu l-Konslu u sħabu Manina, iċ-Ċemmeċ u Toni Monsigneur fuq karrozzin żgangat ta’ Karmnu Xjaten b’żiemel mgħaddam u magħkus li kien ikun jixbah lil Ronzinante, iż -żiemel ta’ Don Quixotte. Dawn, malli jagħmlu d-dawra mal-oħrajn, kienu jieqfu Pjazza San Ġorġ u minn fuq waħda mill-funtani ż-żgħar li hemm f’kull ġenb tal-Pjazza, kienu jagħmlu buffunati u farsa sħiħa. Fl-isfilata, minbarra l-karrijiet kien ikun hemm ukoll il-maskri grotteski, u xi baned li kienu jdoqqu tilqita ta’ marċijiet, biċċiet ta’ valzijiet u opri, bħal Bravu Ċirillu, il-vera potpourri mużikali. Dawn il-baned kienu jgħinu mhux ftit biex iżommu ħaj il-briju tal-Karnival. Popolari ħafna dari kienet il-komittiva. Għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar il-banda ta’ Indri kienet tibda ddoqq minn ħdejn il-Knisja ta’ San Duminku fi Strada Merkanti, il-Belt u tgħaddi minn Triq San Nikola għal Triq l-Ifran, għal Strada Rjali, u tieqaf fil-kantunieri u fil-pjazez, iddoqq bċejjeċ b’ħafna nies jiżfnu magħhom.

Ħafna minn dawk li ma kinux jistgħu jmorru jiżfnu fis-swali kienu jmorru mal-Banda ta’ Indri. Differenza oħra bejn il-Karnival tal-lum u dak ta’ xi 70 sena ilu, hi li qabel kienu jilbsu ta’ maskarati mhux biss it-tfal u dawk li jieħdu sehem fl-isfilati, iżda ħafna nies oħra li biex jifirħu u jferrħu kienu jilbsu kostum. Dari kont issib ħwienet li kienu jikru lbies tal-Karnival, għalhekk kont issib nies lebsin b’kull lewn, ta’ Pierott, ta’ xjaten, ta’ fatati bil-liżar abjad b’ras ta’ mewt u oħrajn biex jonfqu ftit flus kienu jkunu rġiel lebsin ta’ nisa, u nisa lebsin ta’ rġiel. Dawn tal-aħħar kienu jidhru l-aktar it-Tnejn u t-Tlieta filgħodu waqt li żwieġhom kienu jkunu fuq ix-xogħol. Kultant kien jidher xi wieħed liebes ta’ sajjied bil-qasba, u l-ġewlaq mimli pastizzi tas-sitta l-wieħed. Wieħed jimmaġina l-għors bit-tfal imqabbdin u jogħlew miegħu biex jilħqu xi pastizz. Drawwa oħra tal-Karnival li dari kienet tiġbed ħafna nies, kienet il-Kukkanja. Jgħidu li din daħħalha hawn Malta l-Gran Mastru Zondadari fl-1721. Għall-bidu kienet issir fi Pjazza San Ġorġ fejn wieħed għadu jista’ jara t-toqba li fi żmien il-Kavallieri kienu jtellgħu l-arblu fiha, iżda meta din bdiet tintuża għaż-żfin, il-Kukkanja bdiet issir fi Pjazza Regina. Il-Kukkanja kienet speċi ta’ piramida dejqa u għolja ħafna, kollha zkuk ta’ siġar u ħaxix, u magħha kienu jdendlu ħafna oġġetti tal-ikel bħal xi fenek jew tiġieġa ħajjin, xi biċċtejn perżut tal-għadma jew zalzett, xi koxxa żgħira tal-majjal jew qoffa bajd. Għadd ta’ żgħażagħ kienu jixxabbtu magħha, min jilħaq jieħu. Ma kinetx xi ħaġa ħafifa, għax il-kompetituri kienu jagħmlu minn kollox biex ifixklu lil xulxin! Min jaqa’ ma kien jiġrilu xejn, għax kien jiġi fuq l-imtieraħ, fost it-tisfir tal-folla, daħq u ċapċip. Matul il-ġranet tal-Karnival, filgħaxija kienu jsiru ballijiet u veljuni fit-Teatru Rjal, fit-Teatru Manoel u mkejjen oħra. L-aktar ballijiet magħrufa kienu dawk tal-Każin Malti, taċ-Ċivil, tal-Borża u tad-Dockyard. Tal-Borża kien jissemma l-aktar għal ħela ta’ ikel u xorb.

Minbarra dawn, kienu jsiru wkoll il-ballijiet tal-każini tal-baned u każini oħra. F’dawn il-ballijiet aktarx li kienet tinżifen il-Maltija, żifna ta’ raħħala, b’disa’ movimenti differenti. Din kienet żifna brijuża u ħelwa ħafna. Iż-żeffiena kienu jilbsu ta’ Żepp u Grezz, ilbies tipiku tal-irħula tagħna fl-antik. Irġiel oħra kienu jilbsu ilbies tal-bellus aħmar bil-parrokki bojod, in-nisa kienu jilbsu tas-satin jew ħarir bil-bizzilla, u xagħarhom bit-terra. Għal xi żmien, din iż-żifna kienet tiftaħ il-ballijiet uffiċjali kollha tal-Palazz. F’xi postijiet, iż-żfin kien isir barra t-triq, f’xi pjazza jew quddiem xi każin, bħalma kien isir fl-Isla.

Fl-aħħar jum tal-Karnival, xħin joqrob nofsillejl, il-banda kienet tibda ddoqq galopp b’ritmu dejjem aktar mgħaġġel, bil-maskarati kollha jaqbżu u jiżfnu. Ma’ nofsillejl eżatt il-banda kienet iddoqq mortorju. Kienu joħorġu tebut kbir u ħafna lebsin ta’ mewt madwaru, waqt li l-maskarati kienu taparsi jinfexxu jibku u jixhru. B’hekk kien jintemm il-briju kollu tal-Karnival Malti. L-għada, Ras ir-Randan, kulħadd kien imur il-knisja għall-irmied, u l-Ħadd ta’ wara, Ħadd in-Nies, folla kbira minn dawk li kienu maskarati fil-Karnival kienu jmorru Ħaż-Żabbar għall-pellegrinaġġ, b’riparazzjon għad-dnubiet li jkunu saru fil-Karnival.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend