Michelle Muscat sabet ruħha fuq l-istess karru tal-karnival flimkien ma’ Nickie Vella de Fremeaus u Marlene Farrugia. Mart il-Prim il-Ministru laqgħet l-idea tal-entużjasti tal-karnival bi tbissima u spirtu sportiv, tant li telgħet fuq is-sellum biex tiffirmah.
ONE News ltaqa ma’ Clyde Mallia, ġuvni ta’ 17-il sena li kien il-moħħ wara dan il-karru b’satira politika li se jkun qed jieħu sehem fil-Karnival ta’ Malta ta’ dn is-sena. Minkejja li hu daqstant żgħir fl-eta, din hija r-raba sena li Clyde ħadem fuq forom tat-tafal li jiffabbrikaw l-uċuħ ta’ diversi personaġġi li ħafna drabi wasslu lil kumpanija li jipparteċipa magħha fil-quċċata tal-klassifika tal-kompetizzjoni.
Clyde qal li l-proċess biex tagħmel karru b’ wiċċ ta’ persuna magħrufa huwa proċess pjuttost twil, li jibda billi janalizza l-karatteristiċi li jiddistingwixxu l-uċuħ permezz ta’ diversi ritratti tal-persuna famuża.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista wkoll spiċċa fuq karru ieħor li għandu satira politika. Huwa sab din is-sorpriża tistennih waqt li kien qed iżur il-karrijiet tal-karnival flimkien mal-Ministru Owen Bonnici taħt tinda li ntramat fil-Marsa biex il-karrijiet jintramaw taħt hekk kif jinħarġu mill-imħażen qabel jibdew triqithom lejn il-Belt.
Il-Ministru Bonnic qal li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jappoġġja t-talent lokali li bis-saħħt iegħu qed tittella’ din il-festa tant sabiħa u għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin.