L-ex deputat Laburista Luciano Busuttil rebaħ libell fil-konfront tal-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista in-Nazzjon dwar artiklu li ġie ppubblikat f’Novembru ta’ għaxar snin ilu li nstab li kien malafamanti u inġurjuż fil-konfront ta’ Busuttil.
L-artiklu fin-Nazzjon allega lil Busuttil, dak iż-żmien Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, kien qed imexxi b’aġir diskriminatorju fit-tmexxija tal-Kunsill.
Dan joħroġ minn stqarrija li ppubblika l-Kulleġġ tal-Kunsillieri Nazzjonlisiti mmexxi dak iż-żmien mill-Avukat Malcolm Mifsud bbażat fuq rapport tal-awditur ġenerali. Madankollu, il-Qorti nnotat li dan ir-rapport ma jagħmel l-ebda referenza jew insinwazzjoni ta’ aġir diskriminatorju min-naħa tal-Kunsill u ta’ Busuttil.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella osserva li l-ġurnal ma jistax jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu għax ippubblika stqarrija mill-Kulleġġ tal-Kunsilliera Nazzjonalista. Qalet li waqt li baqa’ ma ressaqx prova konkreta li huwa ppubblika l-istqarrija kif effettivament ħarġet mill-Kulleġġ, huwa jibqa’ responsabbli għall-kontenut ta’ artikolu.
Fid-dawl ta’ dan il-qorti ordnat lill-ġurnal in-Nazzjon biex iħallas kumpens ta’ €1,000 lil Luciano Busuttil.